Il-Partit Laburista jrid azzjoni mill-Partit Nazzjonalista dwar il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco waqt li fl-istess ħin qed ikompli jiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u mid-Deputat Luciano Busuttil ippersistew bid-difiża tagħhom fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi hekk kif issa għaddew kważi 60 ġurnata minn mindu faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Waqt li kienu qed jitkellmu dwar l-allegazzjonijiet li l-Partit Laburista qed jagħmel fil-konfront ta’ Mario De Marco, il-kelliema tal-Partit Laburista qalu li l-Partit Nazzjonalista għandu jieħu passi għax “il-fatti kollha hemm qegħdin”.
Iżda mistoqsija minn NETnews.com.mt x’qed jistenna l-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieħu passi kontra Konrad Mizzi, kemm Deborah Schembri kif ukoll Luciano Busuttil iddefendew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru.
NETnews.com.mt staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari Schembri dwar l-istorja li ġiet żvelata mill-gazzetta MaltaToday, fejn intqal li f’sentejn, Konrad Mizzi daħħal €37,000 mill-kirjiet li tal-appartament tiegħu.
Mistoqsija biex tispjega kif Konrad Mizzi kien se jitfa’ l-kirjiet tad-dar fil-kumpanija tal-Panama, meta issa jirriżulta li fl-aħħar sentejn daħħal biss €37,000 minnhom, Deborah Schembri wieġbet “m’iniex se nerġa’ nirrispondi mistoqsijiet mhux relatati mas-suġġett”.
//= $special ?>

