Lokali

FILMAT: Muscat jindika li mhux se jagħti ‘free vote’ fil-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi

Il-Prim Ministru Joseph Mhux se jagħti ‘free vote’ lid-Deputati Laburisti fil-vot dwar mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Konrad Mizzi. Mozzjoni li ressqet id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indika dan f’kummenti lill-media waqt żjara fil-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi fejn qal li l-Gvern se jimxi pass pass. Żied li jinsab konvint li l-Grupp Parlamentari Laburista se jibqa’ jkun kompatt u magħqud.

mistoqsi għaldaqstant biex ikun ċar u jgħid jekk hux se jkun qed joħroġ ordni biex id-Deputati tiegħu jivvutaw bl-istess mod, Muscat wieġeb li dan mhuwiex każ b’kwistjonijiet morali u etiċi, f’indikazzjoni li għaldaqstant mhux se jħalli lid-Deputati tiegħu jivvutaw kif iridu, meta jittieħed vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.

Fl-aħħar ġimgħat kien hemm numru ta’ esponenti Laburisti li esprimew opinjoni li Konrad Mizzi għandu jirriżenja. Fost dawn l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant u saħanistra Deputati tal-Gvern stess, fosthom il-Ministru Evarist Bartolo u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia. Deputati oħra qalu li għandhom opinjoni iżda se jkunu qed jesprimuha meta jkun il-waqt.

Intant, għad irid ikun deċiż meta l-Parlament se jiddiskuti l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi mressqa minn Marlene Farrugia.

Filmat: The Malta Independent