BLOGS

Fortizza Ewropea

Maġenb fortizza tissimbolizza l-qawwa tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema, id-diskors ta’ Simon Busuttil kien xhieda ta’ metafora ċentrali li tamalgama l-binja tal-fortizza mar-rieda ffortifikata tal-attitudni tal-Partit Nazzjonalista f’waqtiet li fihom il-qagħda politika hija inċerta għal kollox. Huma mumenti li fihom ninnutaw li pajjiżna donnu ma żammx mal-mixja progressiva mistennija għal pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Ninsabu resqin lejn it-12-il anniversarju minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, anniversarju li bidel mhux ir-rabta politika tagħna mal-Unjoni Ewropea imma bidel ukoll il-perspettiva tal-politika nnifisha. Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd li għadda, stajt nilmaħ kontinwament il-maturità Ewropea li jħaddan u li tant jemmen fiha – li kieku ma kienx hekk, Malta llum aktarx ma hix membru sħiħ – u li tant huwa konvint li jrid isostni f’pajjiżna meta jkun Prim Ministru.

Irridu l-ewwel nett nifhmu l-bidliet Ewropej li għaddiet minnhom Malta biex qabel xejn nibdew nifhmu l-politika li jrid iwassal Simon Busuttil, politiku li huwa sinonimu mal-Unjoni Ewropea. Irridu nifhmu wkoll kemm l-attwalità politika hija mtebbgħa b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u miżapropjazzjoni finanzjarja.

Minkejja li llum, aktar minn 10 snin wara l-kwistjoni Ewropea ma għadhiex aktar waħda partiġġjana u issa jidher li hawn kunsens nazzjonali dwar is-sħubija ta’ pajjiżna għax ħadd ma għadu jiddibatti dwarha mil-lat ta’ żmien ir-referendum, mhux l-istess jista’ jingħad għall-attitudni tal-Partit Laburista li baqgħet qatt ma kisbet il-livell Ewropew.

L-ewwel nett, kif fisser Simon Busuttil, il-mozzjoni kontra l-Gvern imressqa mill-Oppożizzjoni li ma għaddietx b’maġġoranza definita fil-Parlament it-Tnejn li għadda hija turija ta’ stil Ewropew, u li kieku verament Joseph Muscat kien jemmen f’ideali Ewropej, kieku Konrad Mizzi u Keith Schembri llum ma għadhomx jiffurmaw parti mill-ambjent politiku Malti.

L-aspettattiva tagħna bħala nazzjon illum inbidlet. Imxejna lil hinn mill-politika lokali u qed inħarsu lejn politika aktar globalizzata, fejn dak li huwa pożittiv fl-Ewropa huwa ta’ benefiċċju għalina lkoll, u fejn dak li huwa negattiv huwa ta’ nkwiet daqstant ieħor.

Il-globalizzazzjoni li Malta wirtet mis-sħubija lil hawn ratna nħossu għall-attakki terroristiċi fir Franza u l-Belġu din is-sena, u tarana nistennew b’ottimiżmu d-deċiżjoni tal-Ingilterra fir-rigward tal-Brexit, għax kull deċiżjoni hija tagħna daqskemm hija ta’ ħaddieħor. Hija fir-responsabbiltà tagħna li nkunu leali lejn it-trattati Ewropej, imma rridu nkunu wkoll leali lejn l-istandards, lejn l-attitudni u lejn il-prassi għax aħna parti minn ħolqa.

Għalhekk, is-sejħa tal-mozzjoni ta’ sfiduċja, il-Partit Nazzjonalista ressaqha appuntu biex jissodisfa kriterji Ewropej, liema kriterji l-Partit Laburista ma hux interessat li jonora. Huwa għalhekk, ta’ għajb għal Malta msieħba fl-Unjoni Ewropea li għandna l-uniku Ministru li kien direttament involut fl-iskandlu tal-Panama Papers għax dan ma jirriflettix biss fuq pajjiżna, imma jirrifletti wkoll fuq il-preġudizzju tal-pajjiżi barra mill-Ewropa fuq l-Unjoni Ewropea, bil-kompożitur tagħha ma jkun ħadd ħlief Joseph Muscat li tant ħadem biex Malta ma tissiħibx fl-Unjoni Ewropea.

Din l-attitduni tal-Prim Ministru mingħajr dubju ttebba’ l-profil politiku ta’ pajjiżna quddiem l-Ewropa. Fi żmien 5 ġimgħat, rajna għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, protesta u dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni bil-poplu jitlob għalenija għar-riżenja tal-Prim Ministru, bħalma jiġri f’pajjiżi vera Ewropej.

Hekk kif tgħaddi l-burraxka tal-Panama Papers u pajjiżna jikseb xejriet ta’ normalità politika mill-ġdid, pajjiżna se jifhem aktar id-distinzjoni bejn x’inhu Ewropew u x’mhuwiex. Pajjiżna taħt Joseph Muscat qiegħed mill-ġdid jiftaħ is-siġill tad-dibattu dwar l-Unjoni Ewropea, din id-darba mhux bil-kliem imma bil-fatti u l-għemil.

Nittama, għalhekk, b’ottimiżmu li l-Partit Laburista ma jitlifx aktar żmien u jerfa’ r-responsabbiltà politika u jassumi l-irwol tiegħu bħala Gvern li jqis l-edukazzjoni, l-ekonomija, is-saħħa, l-enerġija, it-traffiku… bħala l-prijorità fuq id-difiża tal-każ Panamagate biex nassiguraw.

Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Verżjoni ta’ din l-Opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 20 ta’ April 2016.