Lokali Parlament

F’sena u erba’ xhur il-Ministru Konrad Mizzi m’għamel xejn biex iwieġeb mistoqsija parlamentari

Il-Ministru Konrad Mizzi, li l-Prim Ministru għadu jiddefendi wara li nqabad b’kontijiet u kumpaniji sigrieti u li ssemma fl-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, jibqa’ jaħrab u ma jweġibx mistoqsijia parlamentari li ilha ssirlu minn Diċembru tal-2014 – kważi sena u erba’ xhur.

Din il-ġimgħa fil-Parlament, il-Ministru reġa’ ma tax informazzjoni għall-mistoqsija parlamentari li qed tibqa’ ssirlu mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, u li saret għall-ewwel darba fil-31 ta’ Diċembru 2014.

Il-Ministru Mizzi qed jaħrab milli jagħti l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għall-konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mid-Dipartimenti u l-entitajiet kollha fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sa Novembru 2014.
Lanqas ma jrid jgħid dwar kull każ, x’kien l-iskop tax-xogħol imqabbad; meta tqabbad; kemm sewa jew se jiswa; kif intgħażel il-kuntrattur; min għażel il-kuntrattur; u meta tlesta x-xogħol jew se jitlesta.

Kien mistoqsi wkoll jgħid jekk huwiex konxju li din il-mistoqsija saret għall-ewwel darba fil-31 ta’ Diċembru 2014 mix-Shadow Minister Claudio Grech, u sal-lum għadha ma ġietx imwieġba għax l-informazzjoni kull darba kien jingħad li qed tinġabar.

Claudette Buttigieg staqsiet bil-miktub lill-Ministru Konrad Mizzi biex jgħid x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien.

Wara dan iż-żmien kollu, kważi sena u erba’ xhur, il-Ministru Konrad Mizzi mhux talli ma weġibx iżda wera li għadu m’għamel xejn biex jiġbor l-informazzjoni u jagħtiha fil-Parlament għaliex fit-tweġiba tiegħu talab lix-Shadow Minister biex tispeċifika x’tifhem b’assignments u/jew kummissjonijiet.