Lokali

Il-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jiddiskuti l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li minkejja li għaddew aktar minn 48 siegħa minn meta ġiet ippreżentata mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, Joseph Muscat għadu qed ikaxkar saqajh biex jaqbel fuq data meta se jsir id-dibattitu u jittieħed il-vot.

Filwaqt li fil-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern, jsostni l-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija, Muscat kien pront u qal li din għandha tiġi diskussa l-ġimgħa ta’ wara, f’dan il-każ, Muscat għadu ma qal xejn. Issa għaddew diġa’ jumejn.

L-Oppożizzjoni qed titlob li l-Gvern jiffissa data għal dan id-dibattitu u vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi mingħajr aktar dewmien.

Kif ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil nhar it-Tnejn li għadda, l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi.