Ambjent Lokali

Il-kaċċa illegali hi sinjal biex il-Prim Ministru jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa – BirdLife Malta

Minkejja r-rapporti u l-argumenti xjentifiċi li juru li l-gamiema tinsab fil-periklu minħabba tnaqqis qawwi, il-Kumitat Ornis għażel li jissuġġerixxi staġun ieħor tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. U l-Gvern għażel li jiftaħ l-istaġun minkejja li din l-ispeċi ġiet iddikjarata bħala vulnerabbli. Barra minhekk, il-Gvern għażel li jinjora wkoll il-preżenza qawwija ta’ qtil illegali ta’ għasafar protetti.

Dan qalitu BirdLife Malta fi stqarrija, li fiha nnutat li Malta baqgħet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropeja li tippermetti l-qtil tal-gamiem fir-Rebbiegħa. Dan meta, kompliet l-istqarrija, sena wara l-oħra l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa qed jiġi abbużat bi qtil ta’ għasafar protetti. BirdLife Malta fakkret li s-sena li għaddiet, il-Prim Ministru għażel li jagħlaq l-istaġun wara l-qtil ta’ numru ta’ għasafar protetti. Din is-sena diġà bdew jinqatlu għasafar protetti u għalhekk il-Prim Ministru għandu jkun konsistenti u jagħmel l-istess, sostniet l-għaqda.

BirdLife Malta qalet li r-rapport fuq ġurnal lokali li, ftit jiem biss wara l-ftuħ ta’ l-staġun tal-Kaċċa, diġà nqatel għasfur protett hu sinjal ċar li l-Prim Ministru għandu jieħu l-passi u jassigura li l-Kaċċa fir-Rebbiegħa tingħalaq mingħajr dewmien. L-għaqda fakkret li bħalissa għandha gruppi ta’ osservaturi fil-kampanja madwar il-pajjiż li qed jissorveljaw l-attivitajiet ta’ kaċċa minħabba r-riskju li għasafar protetti jkunu fil-mira ta’ kaċċa illegali.