Lokali Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jappella għas-sens komun fil-Parlament biex ma jinħeliex ħin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament talab lill-membri tal-Gvern għas-sens komun fil-Kamra biex risposti twal li wieġeb il-Ministru George Vella għal mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis jittieħdu bħala moqrija u ma jinħeliex ħin li jinqraw meta mistoqsijiet supplimentari dwarhom lanqas ma jistgħu jitwieġbu mill-Ministru Vella minħabba ma kienx fil-Parlament għaliex jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Gvern.

Meta fil-bidu tas-seduta tal-lejla l-Ministru Joe Mizzi kien qiegħed iwieġeb fil-Parlament f’isem il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, irreżista għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jirbaħ is-sens komun fil-Kamra.

Il-Ministru Joe Mizzi sostna li hu ma jistax jiddeċiedi f’isem il-Ministru George Vela għax hu mqabbad jaqra r-risposti tal-Ministru George Vella li ma kienx fil-Parlament minħabba li hu msiefer f’Londra għal-laqgħa tal-Commonwealth.

Wara li l-Ministru Mizzi baqa’ jinsisti li għandu jaqra r-risposti għall-ewwel talba lis-Sedja li saret mill-Whip tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Nazzjonalista David Agius, il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista mas-Sedja, biex ma jinħeliex il-ħin ta’ nofs siegħa allokat għall-mistoqsijiet parlamentari meta hemm tliet risposti tal-Ministru George Vella huma twal ħafna, b’risposta minnhom kienet twila erba’ paġni.

Simon Busuttil talab lill-Gvern għas-sens komun fil-Kamra, u jiddeċiedi jekk iridx li l-ħin allokat ta’ nofs siegħa għall-mistoqsijiet parlamentari fejn isiru mistoqsijiet b’rabta mal-iskrutinju tal-Parlament fuq l-operat tal-Gvern, jintużax bl-aħjar mod, u tajjeb.

Wara li l-President tal-Kamra, Anġlu Farrugia, irrimarka li dak li qed jitlob il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jsir biss jekk ikun hemm qbil fil-Kamra bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, il-Ministru Joe Mizzi baqa’ jinsisti li hu fl-obbligu li jaqra r-risposti għaliex ma jistax jiddeċiedi għall-Ministru Vella li ma kienx fil-Kamra.

Wara l-appell mill-ġdid tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jinħeliex ħin meta l-Oppożizzjoni lanqas ma tista’ tagħmel mistoqsijiet supplimentari minħabba li m’hawnx fil-Kamra l-Ministru George Vella, il-Prim Ministru Muscat intervjena u qal li hu jifhem it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-premessa biss li ma jinħoloq ebda preċedent.

Il-Prim Ministru qabel mal-Kap tal-Oppożizzjoni li r-risposti ta’ tliet mistoqsijiet ma jinqrawx u jitqiesu bħala moqrija.

Biex il-Gvern sa fl-aħħar aċċetta li jirbaħ is-sens komun kif talbet l-Oppożizzjoni, il-battibekk bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ħa madwar 10 minuti mill-ħin qasir tal-mistoqsijiet parlamentari.