Lokali

AĠĠORNATA: Konrad Mizzi għażel il-Panama biex jitfa’ €1,500 li qed idaħħal fix-xahar minn kirjiet!

Minkejja li l-Ministru Konrad Mizzi prova jindika li fetaħ il-kumpanija sigrieta fil-Panama biex jitfa’ fiha d-dħul minn kiri ta’ propjeta’, eżerċizju li sar mill-ġurnal MaltaToday jindika li huwa biss €37,568 l-ammont li daħħal f’sentejn minn dawn il-kirjiet. L-ammonti, skont dak li kien iddikjara Konrad Mizzi, jinqasmu hekk: dħul ta’ €16,025 fl-2013 u €21,543 fl-2014.

Dan ifisser dħul medju ta’ €1,500 fix-xahar.

Meta tanalizza dawn id-dettalji jkomplu jikbru d-domandi għaliex Konrad Mizzi fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u Trust fi New Zealand meta d-dħul mill-kirjiet kien f’dan il-livell. Wieħed jiddubita ukoll dwar il-figura medja ta’ €1,500 fix-xahar, meta l-kirja f’Londra hija ferm aktar minn hekk. Dan jista’ jiġi konfermat ukoll minn diversi artikli pubblikati fil-ġurnali Ingliżi (Ritratt).

Konrad Mizzi Kirja Londra 1900 ewro

Il-MaltaToday ilbieraħ talbet lil Konrad Mizzi biex jipprovdi l-indirizz tal-propjeta’ tiegħu f’Londra. Dan sabiex jaċċertaw il-valur veru tal-propjeta’, u kif tinħadem il-kirja. Iżda Konrad Mizzi qed jirrifjuta li jagħti l-indirizza.

Id-dikjarazzjoni tal-assi għas-sena 2014 turi li Konrad Mizzi u martu Sai Mizzi kellha dħul totali ta’ €102,958.

Id-dubji dwar il-manuvri ta’ Konrad Mizzi jkomplu jikbru meta wieħed jiftakar illi l-banek barranin talbu lid-Deputy Leader Laburista bejn $800,000 u $1,000,000 sabiex ikun jista’ jinfetaħ konta bankarju barra l-pajjiż.