Lokali

L-MPA titlob bidla fil-ħlas tal-extra lill-pulizija

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) qed titlob li jiġi mibdul il-mod ta’ kif isir il-ħlas tal-extra duty.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li meta membru tal-Korp jitqabbad jagħmel extra duty, dan ma jirċevix ħlasu sakemm il-persuni  jkunu talbu dan is-servizz ma jkunux ħallsu lill-Korp tal-Pulizija. Dan qed iwassal biex bosta membri tal-Korp idumu xhur sħaħ u f’ċertu kazijiet anki snin, biex jitħallsu tax-xogħol li jkunu wettqu.

L-MPA tisħaq li min ikun wettaq dan ix-xogħol m’għandu l-ebda konnessjoni jew rabta mal-persuna li tkun talbet is-servizz u għalekk il-ħlas tiegħu m’għandu bl-ebda mod jiddependi fuq meta dawn it-terzi jħallsu lill-Korp, irrelevanti min huma. Ladarba dawn huma mqabbda mill-Korp biex jagħmlu din l-‘extra’, huma għandhom jitħallsu mingħajr dewmien, imbagħad hu fir-responsabbiltà għall-Korp tal-Pulizija li jfittex li jiġbor flusu m’għand min ikun ħa s-servizzi tiegħu.

L-MPA diġa bgħatet lill-amministrazzjoni tal-Korp dwar dan u talbet li din il-proċedura tiġi riveduta. Minkejja t-twissijiet dwar il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm riżultat ta dan, sal-lum l-MPA għadha ma ġietx mgħarrfa dwar jekk fil-fatt l-amminsitrazzjoni hiex qed tieħu xi miżuri dwar dan.

L-MPA mhux kuntenta b’dak li qed ikollha tħabbat wiċċha miegħu kontinwament u f’diversi sitwazzjonijiet fejn l-amministrazzjoni tal-Korp tinjora l-bosta anomaliji li jeżistu meta din tinġibdilha l-attenzjoni. Ma tistax tifhem kif fl-2016 l-amministrazzjoni tal-Korp għadha ma fehmitx li jezistu prinċipji u  liġijiet amministrattivi li jirregolaw l-aġir tal-amministrazzjoni u li l-Kummissarju, bħala kap ta’ dipartiment għandu d-dmiru li jara li l-liġi, tkun liema tkun, tiġi mħarsa mid-dipartiment.