Sewwieq kien liberat mill-Qorti dwar każ li fih tajjar tifel ta’ tmien snin li kien waħdu fi triq arterjali, iżda immultatu €1,000 għal sewqan negliġenti.
Il-każ seħħ fl-4 ta’ Ġunju 2012 meta Gilbert Scerri ta’ 38 sena minn San Pawl il-Baħar kien qed isuq f’Telgħet Raħal Ġdid, f’Raħal Ġdid. Jirriżulta li fil-ħin tal-inċident it-tifel u ħuh kienu weħidhom fit-triq minħabba li ommhom kienet qed tħejji għal-laqgħa tal-preċett tat-tifel. Iż-żewġ aħwa kienu ħallew iċ-ċwievet fi ground tal-football fil-viċin u kienu sejrin lura biex iġibuhom.
Wara li għaddew minn bejn vetturi fit-traffiku huma qasmu għal parti mit-triq u ndunaw biss bil-karrozza tal-akkużat proprju fil-mument li din kienet quddiemhom. Minkejja li t-tifel iż-żgħir irnexxielu jmur lejn in-naħa l-oħra tat-triq u anki jitla l-bankina hu ntlaqat f’saqajh mill-karrozza. It-tifel tilef il-bilanċ u sofra diversi feriti f’wiċċu. L-inċident seħħ ftit metri bogħod minn zebra cross.
L-akkużat qal fil-qorti li hu ra lit-tifel fl-aħħar mument u li ma setax jarhom qabel minħabba li kienu tfal. Hu qal li ma kienx sema d-daqqa mal-karrozza u li ma kienx hemm marki fuq l-istess karrzoza.
Il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li l-ħtijja ta’ dan l-inċident għandha tintrefa miż-żewġ partijiet għalkemm it-tifel kellu joqgħod attent meta jaqsam u seta’ jaqsam minn fuq iż-zebra cross waqt li x-xufier kellu viżjoni ċara tat-triq u ma kienx qed isuq.
Il-Qorti irrrimarkat li t-tfal ma kinux adulti u għalhekk kellhom ikunu akkumpanjati minn adult. L-akkużat għandu jerfa’ responsabbiltà għaliex kif qal hu stess kien qed jara t-triq kollha u għalhekk ma setax jgħid li hu ra lit-tfal fl-aħħar mument. Għalhekk l-akkużat kien immultat €1,000 għal sewqan negliġenti u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tmint ijiem.
//= $special ?>