Internazzjonali

Nuqqas ta’ qbil kbir bejn it-Turkija u l-UE

Reġa’ hemm nuqqas ta’ qbil kbir bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni u l-patt li kien sar biex din titrażżan.

Dan hekk kif it-Turkija qed tinsisti li minn Ġunju, it-Torok jistgħu jibdew jivvjaġġaw fl-Unjoni Eworpea mingħajr bżonn ta’ visa imma l-Unjoni Ewropea tinsisti li l-ewwel it-Turkija trid iżomm mal-kriterji kollha tal-ftehim li kien sar qabel dan ma jista’ jsir. Iżda issa t-Turkija wissiet li kienet lesta tinjora l-ftehim li kien sar mal-Unjoni Ewropea jekk minn Ġunju, it-Torok ma jkunu jistgħu jibdew jivvjaġġaw bla bżonn ta’ visa fl-Unjoni Ewropea.

Recep Tayyip Erdogan, il-President Tork, wissa iżda li kienet l-Unjoni Ewropea li kellha bżonn it-Turkija u mhux il-kontra.

It-Turkija ngħatat sensiela ta’ wegħdiet mill-Unjoni Ewropea, fosthom l-ivvjaġġar bla bżonn ta’ visa u spinta lill-isforzi għas-sħubija, bi tpatija għal impenn biex jitwaqfu l-vjaġġi ta’ immiganti mit-Turkija lejn l-UE, l-aktar il-Greċja.

L-aġir tat-Turkija ġab ukoll ċanfira mill-president tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker.