Ambjent Lokali

It-tieni tajra protetta fi ftit jiem milquta minn kaċċa illegali

Voluntiera tal-CABS li lbieraħ kienu qed jagħmlu ħidma f’żona qrib il-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin f’Dellimara sabu għasfur tar-razza Rudun mejjet. Din ir-razza hi waħda brotetta ħafna u minkejja l-intervent biex l-għasfur jittieħed għand veterinarju, dan kien diġà mejjet.

Ir-Rudun mejjet, li ngħadda għand il-Pulizija mill-Administrative Law Enforcement (ALE), hu t-tieni għasfur protett li ntlaqat bil-kaċċa illegali fil-ftit jiem kemm ilu li nfetaħ l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Dan wara li t-Tnejn li għadda, Uffiċjali tal-ALE sabu tajra oħra protetta milquta minn tir f’żona qrib il-Bidnija.

Fi stqarrija, il-CABS appellat lill-Gvern biex isostni l-politika ta’ zero tolleranza għall-kaċċa illegali. Dan wara li s-sena li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien għalaq il-Kaċċa fir-Rebbiegħa wara ftit jiem kawża ta’ kaċċa illegali li ħalliet numru ta’ tajr mejjet.

L-istqarrija kkwotat lis-Segretarju Ġenerali tal-CABS Alexander Heyd, li qal li jekk il-Prim Ministru jħalli l-kaċċa illegali għaddejja u ma jagħlaqx l-istaġun ta’ din is-sena wkoll, ikollu jwieġeb għall-akkużi li qed juża’ “double standards”.