Lokali Qorti

Aġġornata: Missier u tliet uliedu jitressqu l-Qorti dwar traffikar ta’ Filippini

Il-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji llum ressqet il-Qorti missier u tliet uliedu u akkużathom, fost l-oħrajn, bi traffikar ta’ aktar minn 30 Filippin li nġiebu Malta biex jaħdmu fl-industrija tat-tindif.

Il-persuni mressqa l-Qorti, mill-Ispetturi Joseph Busuttil u John Spiteri, huma Joseph Degiorgio ta’ 71 sena minn Ħal Balzan, Paul Jason Degiorgio ta’ 47 sena minn Ħal Lija, Christopher Degiorgio ta’ 42 sena minn Ħ’Attard u Josianne Bugeja ta’ 34 sena minn Ħal Balzan.

Iż-żewġ Spetturi tal-Pulizija li qed imexxu l-investigazzjonijiet ikkonkludew l-investigazzjonijiet tagħhom wara li fl-aħħar ġimgħa, aktar minn 30 Filippin u Filippina xehdu f’Inkjesta Maġisterjali dwar kif allegatament kienu nqabdu f’xibka ta’ traffikar ta’ persuni mill-Filippini lejn Malta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija, taħt is-Superviżjoni tal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, kienu ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat wara li waħda mill-Filippini kienet tkellmet dwar dak li kienu għaddejjin minnu fejn, skont hi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol offruti mill-kumpanija li magħha kienet qed taħdem (Mr Clean) ma kinitx qed toffrilhom kundizzjonijiet xierqa ta’ xogħol.

Fil-Qorti, żewġ żgħażagħ Filippini rrakkontaw kif il-kuntratti iffirmati f’pajjiżhom biex setgħu joħorġu mill-pajjiż u jiġu jaħdmu Malta kienu jinbidlu ma’ oħrajn li kienu jiffirmaw f’pajjiżna mal-bidu tax-xogħol tagħhom fil-kumpanija.

Iż-żewġ Filippini, Beverly Martinez u Jeffrey Jerard Baet, komplew jirrakkontaw kif f’pajjiżhom kienu jintalbu jagħmlu depożitu ta’ 100,000 pesos biex jinbeda l-proċess tal-applikazzjoni u appena dan ikun lest u tinħareġ il-Visa, kienu jintalbu jħallu 100,500 pesos oħra.

Dawn il-ħlasijiet, li jammontaw għal ftit anqas minn €5,000, kienu jkopru l-ħlas lill-aġenzija, il-biljett tal-ajru lejn Malta u l-proċess biex tinħadem l-applikazzjoni. Huma kienu jiġu mwegħda impjieg f’Malta fil-qasam tal-housekeeping jew it-tindif. Ħbieb tagħhom f’Malta kienu jħajruhom biex jiġu ħalli jaqilgħu l-flus għalihom u għall-familji tagħhom minħabba li s-salarji hawn huma bil-wisq aktar minn dawk fil-Filippini.

Mistoqsija mill-Prosekuzzjoni, mid-Difiża u anke mill-parti ċivili, iż-żewġ żgħażagħ fissru li f’Malta kien ikollhom jaħsbu huma għall-ikel u anke fejn se joqogħdu. Dan kollu jrid jitnaqqas mill-paga li kienu jingħataw. Qalu li kienu jitħallsu r-rata ta’ €4.20 għal kull siegħa xogħol, irrispettivament jekk hux filgħodu jew filgħaxija, inkella jekk hux fost il-ġimgħa jew fil-Ħdud u l-Festi.

Fissru li ġieli kien hemm okkażjonijiet meta kienu jaħdmu aktar minn tmien sigħat kuljum.

Quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, il-missier u wliedu kienu assistiti mill-Avukati Joseph Giglio u Franco Debono. Bħala parti ċivili, qed jidhru l-Avukati Anne Marie Bisazza u Lara Dimitrijevic.

Aktar kmieni …

Diretturi ta’ kumpaniji tat-tindif se jitressqu l-Qorti b’akkużi ta’ traffikar ta’ persuni

Aktar tard dalgħodu, il-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji se tkun qed tressaq il-Qorti żewġ Diretturi ta’ kumpaniji fit-tindif u jakkużawhom dwar traffikar ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija lejn Malta, partikolarment mill-Filippini.

Kienet il-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd li għadda li rrappurtat din l-istorja, filwaqt li fil-jiem li għaddew il-Pulizija kompliet tinvestiga dan il-każ. Bir-riżultat ta’ din il-ħidma, fl-aħħar sigħat kienu fformolati numru ta’ akkużi fil-konfront ta’ dawn id-Diretturi, li allegatament ġabu lejn Malta għexieren ta’ tfajliet u ġuvintur biex jaħdmu fl-industrija tat-tindif, suppost b’kundizzjonijiet tajbin.

Madankollu, dawn il-Filippini marru għand il-Pulizija u żvelaw kif, minkejja s-sigħat twal ta’ xogħol li kienu qed jagħmlu, ma kienux qed jingħataw il-kundizzjonijiet imwegħda lilhom u saħansitra anqas il-paga dovuta lilhom.