Bil-kejl ta’ Joseph Muscat stess, li kien qal li jekk Konrad Mizzi jinqabad li jkun gideb għandu jirriżenja, huwa l-istess Joseph Muscat li għandu jirriżenja, u dan għaliex inqabad f’gidba ċara li ħadd ma jista’ jiċħad.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister Chris Said spjega kif b’dak żvelat fil-Panama Papers, Joseph Muscat inqabad jigdeb bl-aktar mod ċar biex jiddefendi lill-id il-leminija u lill-id ix-xellugija tiegħu minn l-akbar skandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni u kriminalita’.
Chris Said irrefera għall-programm Dissett tad-9 ta’ Marzu, meta l-Prim Ministru kien qal li jekk Konrad Mizzi jinqabad li gideb, ikollu jitneħħa, u dan għaliex ma jkunx qal il-verita’.
Issa, skont dak żvelat fl-aħħar jiem, jirriżulta li Joseph Muscat gideb meta qal li Konrad Mizzi ried jiftaħ il-kumpanija fil-Panama u t-trust fin-New Zealand biex ipoġġi l-proprjeta’ tiegħu ta’ Londra u ta’ Malta. Muscat kien qal dan, fost l-oħrajn, fil-25 ta’ Frar, fil-ġurnata li ħatar lil Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Jirriżulta issa, mill-emails li ġew żvelati, li r-raġuni li ngħatat biex kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri jiftħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom u t-trust fin-New Zealand, ma kenitx il-proprjeta’ ta’ Londra – kif kien qal il-Prim Ministru. L-ewwel raġuni li ngħatat lill-Panama kienet li Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jpoġġu flus ġejjin mil-konsulenza u mis-senserija. Meta din il-verżjoni ma ġietx emmnuta, ir-raġuni inbidlet għar-riċiklaġġ u r-remote gaming.
Chris Said qal li bl-aktar mod ċar, Muscat inqabad jigdeb biex jiddefendi lil sħabu, u għalhekk, biex iżomm ma kliemu stess, għandu jirriżenja.
Minn naħa tagħha, x-Shadow Minister Claudette Buttigieg irreferiet għal sensiela akbar ta’ gidbiet li qalu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-aħħar xahrejn, hekk kif għada jkunu għaddew xagħrejn minn meta beda jiġi żvelat dan l-iskandlu.
Fost l-oħrajn, Muscat gideb meta qal li ma kienx jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu qed jitkellmu bejniethom dwar kif għandhom jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Li kieku veru ma kien jaf b’xejn, bla dubju kien ikeċċihom malli sar magħruf dan, għaliex ikunu kisru l-fiduċja tiegħu, qalet Claudette Buttigieg.
Claudette Buttigieg qalet li hu evidenti li biex jiddefendi lil sħabu, Muscat qed jigdeb anke billi jgħid li se joqgħod fuq audit li hi fażulla. “L-audit hi fażulla għaliex Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu l-kumpaniji tagħhom fil-Panama apposta – biex ebda audit ma tkun tista’ ssib xejn. Dan minbarra l-fatt li jekk l-audit issib li l-kumpanija għadha vojta, hija prova akbar tal-gidba ta’ Muscat li qal li saret biex tintefa’ l-proprjeta’ ta’ Mizzi f’Londra,” qalet Claudette Buttigieg.
Claudette Buttigieg fakkret li Joseph Muscat diġa’ nqabad jigdeb ukoll meta l-ewwel qal li Konrad Mizzi ħallas il-multa tal-Kummissarju tat-Taxxi, imbagħad l-għada kellu jammetti li gideb għaliex il-multa kienet għadha ma ġietx imħallsa.
//= $special ?>

