Il-Gvern u l-partit ta’ Joseph Muscat fl-aħħar tliet snin – u speċjalment fl-aħħar xahrejn – użaw tattika li qed issir dejjem aktar prevedibbli u għajjiena – in-nies issa drawha sew. Meta joħorġu fatti ġodda fuq il-kriżi ta’ korruzzjoni li Joseph Muscat daħħal lill-pajjiż fiha bil-ħafna skandli tal-Gvern tiegħu, f’Kastilja jiltaqgħu mhux biex inaddfu l-korruzzjoni u jtajru lill-korrotti, imma biex jagħtu xi gidba lil xi gazzetta fuq min ikun qed jikxef u jikkritika l-iskandli – ħafna u kbar issa – tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Gideb ċar ta’ Joseph Muscat
Illum nafu li Joseph Muscat gideb fuq Simon Busuttil meta qal li Simon Busuttil kellu xi kumpanija sigrieta l-Panama. Qal ukoll l-istess gidba fuq Ann Fenech. B’mod prevedibbli, il-partit ta’ Joseph Muscat, issa kkontrollat minn Konrad Mizzi, imbagħad organizza truppa sħiħa bir-rutella biex tmur tkejjel il-pool ta’ Beppe Fenech Adami. U jista’ jonqos li issa l-Gvern u l-partit ta’ Joseph Muscat jigdeb fuq il-Viċi Kap l-ieħor tal-Partit Nazzjonalista? Ma jistax jonqos, u qed jigdeb b’mod mill-aktar prevedibbli fuq kont ta’ ħabib ta’ Joseph Muscat li Mario de Marco diġà ħallsu anke jekk ix-xogħol għadu ma lestihulux.
Gideb prevedibbli u għajjien
Din it-tattika issa draha kul-ħadd: il-makkinarju kollu tal-partit u tal-Gvern ta’ Joseph Muscat jigdeb biex jgħatti l-fatti li dejjem ħerġin dwar il-korruzzjoni li qed tinqabad f’ħafna skandli u li hi kundanna għal Joseph Muscat innifsu għax hu l-prim responsabbli biex inaddaf il-korruzzjoni tal-iskandli kbar tal-Gvern tiegħu, imma mhu jagħmel xejn ħlief jiskuża bil-gideb. U x’fatti qed jipprova jiskuża u jgħatti l-Gvern ta’ Joseph Muscat bil-gideb prevedibbli u għajjien tiegħu lill-gazzetti?
Il-fatti: ippruvaw jiftħu kont sigriet f’disa’ banek
L-aktar fatt riċenti li qed jipprova jgħatti Joseph Muscat hu dak li ħareġ fl-aħħar rapport tal-Australian Financial Review; waħda mill-107 organizzazzjonijiet dinjin tal-midja li qed jirrappurtaw dwar l-iskandlu internazzjonali tal-Panama. Nhar it-Tnejn, dan il-ġurnal Awstraljan irrapporta kif l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Joseph Muscat mhux talli ppruvaw jiftħu kont tal-bank sigriet – bil-maqlub ta’ li kienu gidbu li ma kellhomx kont tal-bank meta lagħbuha tal-boloh, ngħidu bil-Malti – talli jdejn Joseph Muscat it-tnejn ippruvaw jiftħu kont sigriet f’disa’ banek b’kollox.
Riedu jpoġġu miljun dollaru fis-sena
Dawn id-disa’ banek – uħud f’pajjiżi mill-aktar korrotti – ukoll xammewha l-korruzzjoni li Joseph Muscat mhux ixomm, u qalulhom f’wiċċhom: talbuhom jiżgurawhom li l-flus mhux ġejjin mill-korruzzjoni; talbuhom jiżgurawhom li l-flus għamluhom qabel ma Joseph Muscat tahom il-poter miegħu f’Kastilja; u staqsewhom jispjegawlhom minn fejn ġejjin is-senseriji li l-idejn it-tnejn ta’ Joseph Muscat qalu lill-banek li kienu se jdaħħlu waqt li għandhom il-poter. Kien hemm bank minnhom li kien lest jiftħilhom kont sigriet u riedhom ipoġġu miljun dollaru kull sena; il-kumpanija tal-ħabib ta’ Joseph Muscat li jirrappreżenta lil Mossack Fonseca f’Malta, Nexia BT, qaltilhom li kollox sew biex idejn Joseph Muscat il-leminija u x-xellugija jpoġġu miljun dollaru kull sena.
Il-gideb jikkonferma kemm hu korrott il-Gvern ta’ Joseph Muscat
Dawn huma l-fatti li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jipprova jgħatti bil-gideb fuq in-nies li jikkritikaw il-korruzzjoni fl-iskandli kbar tiegħu: fatti dejjem aktar, u dejjem aktar ġodda, u li jiżdiedu ma’ dak li diġà kien inkixef f’dan l-akbar skandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus ġejjin mill-kriminalità; skandlu mikxuf internazzjonalment u li ġab riżenji u tkeċċijiet f’ħafna pajjiżi ħlief f’Malta.
Għax il-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux jiltaqa’ ħalli jnaddaf il-korruzzjoni li qed jegħreq fiha, imma jiltaqa’ biex jigdeb: prova oħra ta’ kemm għandna Gvern korrott.
https://soundcloud.com/editorjal-radio101/il-fatti-li-joseph-muscat-qed-jigdeb-biex-jghatti
//= $special ?>