Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni, li hi l-aktar kap tal-monarkija li damet tirrenja f’dan il-pajjiż, illum qed tiiċċelebra għeluq id-90 sena tagħha. Dan fost sensiela ta’ eloġji għal waħda mill-aktar personalitajiet magħrufa fid-dinja li ilha simbolu għal miljuni ta’ nies, tul il-ġenerazzjonijiet ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Ir-Reġina – li twieldet bħala l-Prinċipessa Eliżabetta, fil-21 ta’ April tal-1926 – qattgħet il-jum fil-Kastell ta’ Windsor, waqt li ltaqgħet ma’ ħafna nies li xtaqu jawgurawlha waqt mixja li hi għamlet f’din il-belt, lejn il-Punent ta’ Londra.
Għalkemm hi għalqet 90 sena illum, il-ġurnata uffiċjali taċ-ċelebrazzjoni se tkun f’Ġunju. Xi ħaġa li kienet saret minħabba li hemm ċans akbar ta’ temp bnażżi.
Sadattant, il-Gvern Britanniku ħejja programm ta’ ċelebrazzjonijiet li kien jinkludi salut mill-kanuni fl-inħawi ta’ Hyde Park u t-Tower of London; logħob tan-nar u diskorsi– immexxija minn David Cameron – fil-Parlament li raddew ġieħ lir-Reġina. Waqt iċ-ċelebrazzjonjiet kien hemm ukoll daqq fit-tul tal-qniepen ta’ Westminster Abbey.
Ir-Reġina ilha tmexxi l-monarkija Britannika mill-1952; is-sena meta miet missierha, ir-Re Ġorġ VI. Hu minnu li l-maġġoranza tal-poplu tar-Renju Unit ma jiftakru l-ebda kap tal-monarkija ħliefha.
Tard fil-jum, ir-Reġina Eliżabetta kellha tixgħel l-ewwel minn ‘katina ta’ 1,000 nirien simboliċi (beacons) li nxtegħlu mir-Renju Unit sa bnadi oħra tad-dinja.
Eloġji lir-Reġina f’għeluq id-90 sena tagħha
