Il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi inawgura wirja bl-isem ‘Xbihatek fi djarna’ li se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 24 t’April.
Din l-esebizzjoni tinkludi kompożizzjonijiet oriġinali ta’ vari ta’ San Ġorġ xogħol l-artisti Joseph, Michael u George Cutajar Zahra. Hemm ukoll diversi kollezzjonijiet privati ta’ vari, ikoni u pitturi ta’ San Ġorġ, filwaqt li hemm sezzjoni b’ritratti storiċi mill-passat li juru l-vara titulari ta’ San Ġorġ Martri.
Din il-wirja qed issir fil-maħżen tal-armar San Ġorġ Martri, li jinsab fi Triq il-Blata, fl-okkażjoni tal-275 anniversarju tal-vara titulari. Il-ħsieb wara din il-wirja hu li tintwera d-devozzjoni lejn San Ġorġ permezz ta’ dawn ix-xbihat li ħafna minnhom jinsabu fi djar tal-Qriema. Għaldaqstant, hija wirja unika li d-dilettanti m’għandomx jitilfu.
L-aħħar wirja ta’ din ix-xorta saret fiċ-Ċentinarju tal-1700 sena mill-martirju ta’ San Ġorġ fis-sena 2003.
Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju l-Kummisjoni Żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat Festi Esterni żanżnet diska ġdida bl-isem ‘Ġorġi Tagħna’ – diska li saret b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Żagħżagħ La Stella tal-festa ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex. Din il-kanzunetta għandha mużika ta’ Mro. Joe Brown, kliem ta’ Stephen Baldacchino u jkanta Mark Tonna bis-sehem ta’ Rebecca Scerri u Ismhael Grech. Ħsieb mill-isbaħ li juri l-imħabba taż-żewġ għaqdiet lejn il-qaddis patrun tal-Belt Pinto u l-Belt Victoria.
//= $special ?>