Internazzjonali

Filmat: Miet il-kantant Prince fl-età ta’ 57 sena

Fl-Istati Uniti tħabbret il-mewt ta’ Prince, il-kantant eċċentriku Amerikan li hu stabbilit bħala wieħed mill-ikoni tal-mużika tas-snin tmenin.

Prince, li kellu 57 sena, jibqa’ magħruf għal diski bħal Purple Rain, li kisbitlu suċċess madwar id-dinja, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-katavru tal-kantant instab xi sigħat ilu, fid-dar tiegħu f’Minnesota. Il-kawża tal-mewt tal-kantant għadha mhix magħrufa għalkemm rapporti, fl-aħħar jiem, qalu li Prince kien qed jiġġieled kontra marda li ma ġietx speċifikata.

Proprju ġimgħa ilu, il-fans ta’ Prince kienu ferm inkwetati dwar saħħtu meta ajruplan li kien qed jivvjaġġa fuqu l-kantant spiċċa jagħmel inżul ta’ emerġenza f’Illinois. Għalissa ħadd ma jaf jekk il-mewt ta’ Prince hux relatat għall-istess marda li kkaġunat l-inżul tal-ajruplan f’ħin meta l-kantant kien qed jivvjaġġa lejn il-belt ta’ Atlanta fejn kellu jagħti kunċert.