Il-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti, għall-ewwel darba, użaw bomber tat-tip B-52 għal kontra l-ISIS fl-Iraq. Il-Pentagon ikkonferma dan meta rrankat il-kampanja għall-qerda tal-grupp terroristiku.
Il-missjoni tal-B52 kienet kontra maħżen tal-armi – seħħet fl-istess żmien meta s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Ash Carter, żar Bagdad u ħabbar li pajjiżu qed jibagħat aktar truppi u tagħmir b’appoġġ għall-kampanja anti-ISIS fl-Iraq.
L-aħħar rapporti qalu li l-B52 – ajruplan enormi u simbolu tal-militar Amerikan fl-era tal-Gwerra Bierda – tefa’ l-bombi fuq faċilità fil-belt ta’ Qayyarah, li tinsab lejn in-Nofsinhar ta’ Mosul. Illum, l-Amerikani qed jużaw dawn il-B52s għal attakki ‘ta’ preċiżjoni’ partikulari.
Il-pressjoni, sadattant, żdiedet fuq l-ISIS , meta kommandos Amerikani, megħjuna minn suldati Kurdi, anki wettqu rejd fuq kap terroristiku ewlieni tal-grupp.
It-terrorista fil-mira kien Suleiman Abd Shabib al-Jabouri, kmandant militari u membru tal-Kunsill tal-Gwerra tal-ISIS, bil-ġellieda Kurdi li kienu involuti fir-rejd jsostnu li Jabouri ‘spiċċa eliminat fl-azzjoni’.
Għall-ewwel darba l-B-52 fl-azzjoni kontra l-ISIS
