Kultura Lokali

Il-Katidral taċ-Ċittadella jinsisti li parkeġġ flok dar antika huwa “bżonn”

Il-bżonn tal-Katidral taċ-Ċittadella għall-aċċessibilità għandu jkun ikkunsidrat ukoll f’nofs il-kontroversja dwar it-twaqqiegħ ta’ dar antika fir-Rabat Għawdex.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit tal-Katidral Joe Bugeja spjega l-pożizzjoni tal-Katidral wara li fil-jiem li għaddew, mijiet ta’ persuni ffirmaw petizzjoni online biex id-dar ma titwaqqax.

Il-każ jirrigwardja dar li nbniet fis-snin 50 barra ċ-Ċittadella. Id-dar hi l-unika binja residenzjali iddisinjata mill-perit Ġużè D’Amato u hi magħrufa għall-elementi arkitettoniċi rikki, kemm fil-faċċata kif ukoll fuq ġewwa.

Madanakollu, il-Gvern fetaħ applikazzjoni mal-awtoritajiet biex id-dar titwaqqa’ sabiex minflok jinbena parkeġġ f’pjan sħiħ ta’ aċċessibiltà akbar għall-Katidral u dan wassal biex aktar minn 3,000 persuna ffirmaw petizzjoni biex tkun salvata din il-binja “imprezzabbli”.

Iżda fil-konferenza tal-aħbarijiet, fil-preżenza ta’ membri mill-Kapitlu tal-Katidral taċ-Ċittadella, il-Perit Joe Bugeja spjega li l-parkeġġ jinkwadra fil-master plan għaċ-Ċittadella u għandu l-għan li jsaħħaħ l-aċċessibiltà għall-Katidral.
Żied li b’dan il-proġett, il-faċċata tal-binja fi Triq il-Kastell mhux se tkun qed tintmiss u t-tibdil strutturali se jsir fuq wara.

Intant, l-applikazzjoni bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni fejn s’issa ġew sotomessi aktar minn 200 rappreżentazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Id-dar fi Triq il-Kastell inbniet fis-snin ħamsin. Il-perit li ddisinja d-dar, Ġużè D’Amato, hu l-istess perit li ddisinja wkoll il-Knisja tax-Xewkija, ta’ Raħal Ġdid l-bini tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda.

Il-Kapitlu tal-Katidral xtara d-dar fl-2003 u kien il-Ministeru għal Għawdex li riċentament issottometta l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jibena parkeġġ ta’ tlett sulari minflok id-dar li hemm bħalissa.

joe bugeja