BLOGS

Il-vot ta’ nhar it-Tnejn

Ilna ġimgħat nisimgħu fuq l-iskandlu tal-Panama Papers – skandlu internazzjonali li sfortunatament ħammeġ isem pajjiżna minħabba li f’din il-lista hemm il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Ilna ġimgħat nisimgħu d-dettalji tal-każ, iżda ma smajna bl-ebda azzjoni li ħa l-Prim Ministru – minkejja li sitwazzjoni bħal din tirrikjedi attenzjoni massima u azzjoni konkreta minn min imexxi ‘l pajjiżna u anke lill-Ministru konċernat, ir-risposta tal-Prim Ministru kienet is-silenzju li għamel lil Joseph Muscat assenti fil-mument tal-bżonn.

Xi jfisser il-vot?
Dan il-vot ifisser li, bħalma kien mistenni, il-Partit Laburista jġib l-aspett partiġjan qabel dak nazzjonali. Ifisser li meta ffaċċjat b’għażla li jieħu azzjoni, il-Partit Laburista jsibha diffiċli jkun konkret u għalhekk idawwar wiċċu anke għall-involviment fi skandlu dinji, anzi jħossu komdu jkollu fi ħdanu lill-uniku Ministru ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea li hu mċappas bit-timbru tal-iskandlu tal-Panama.

Fil-ġimgħat li għaddew smajna numru ta’ esponenti tal-Partit Laburista jgħidu li kieku kienu minflok Konrad Mizzi kienu jirriżenjaw – iżda meta ffaċċjati bl-opportunità li juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għal dak li għamel Konrad Mizzi, dawn m’għamlux hekk u allura qed japprovaw dan l-aġir. Uħud minnhom qalu li anke kieku l-mozzjoni kienet kontra Konrad Mizzi, xorta ma kinux jivvutaw kontrih minkejja li saħqu li kieku kienu minfloku kienu jirriżenjaw. Turija oħra ta’ kemm il-partiġjaniżmu jipprevali fuq is-sens komun u l-lealtà lejn pajjiżhom u l-ġurament li ħadu tliet snin ilu.

Xi jfisser għall-poplu?
Għall-poplu, il-vot ta’ nhar it-Tnejn ifisser li fit-tmexxija tal-pajjiż hemm Gvern b’Joseph Muscat jagħti prijorità lir-rwol ta’ mexxej tal-Partit Laburista iktar milli ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżna, iktar qed jipprova juri li għandu partit magħqud milli pajjiż stabbli u nadif. Iktar jinteressah li jissalvagwardja l-interessi tal-partit tiegħu milli tal-pajjiż li jmexxi.

Ifisser ukoll li bħalma ilu jipprova jagħmel il-Partit Laburista, il-Gvern Laburista qed jipprova jiddevja l-attenzjoni biex dan l-iskandlu ma jissemmiex. Fil-fatt, jekk wieħed jinnota, il-biċċa l-kbira tad-diskorsi tal-membri tal-Gvern fil-Parlament nhar it-Tnejn injoraw kompletament il-kawża għaliex issejjaħ il-vot ta’ sfiduċja, jiġifieri l-iskandlu tal-Panama. Il-Gvern irid jifhem li sar x’sar pożittiv, dan ma jħassarx il-fatt li wieħed mill-esponenti ewlenin tiegħu, l-istess persuna li ħa ħsieb l-ikbar kuntratti li saru f’dawn l-aħħar tliet snin (liema kuntratti għadhom mistura) kien involut fl-ikbar skandlu ta’ korruzzjoni li qatt rajna – u wisq iktar ma jħassarx il-fatt li ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra dan l-aġir skorrett min-naħa tal-Ministru.

Oppożizzjoni vuċi tan-nies
Minkejja li l-Prim Ministru qal li se jagħti widen għas-sentiment tan-nies, id-diskors u atteġġjament surreali tiegħu juri li għalih dak li jħoss il-poplu ftit li xejn hu importanti. Li kieku kien verament fuq in-naħa tan-nies, kieku Konrad Mizzi u Keith Schembri ilhom li tneħħew mill-pożizzjoni tagħhom – iżda, għal xi raġuni jew oħra, il-Prim Ministru dan m’għamlux u għalhekk hu qed japprova aġir li qed iqanqal rabja f’dawk il-Maltin u Għawdxin li għandhom lil pajjiżhom għal qalbhom.

Iżda fuq kollox, il-vot ta’ nhar it-Tnejn juri lill-poplu li hemm Oppożizzjoni li verament għandha għal qalbha l-integrità ta’ pajjiżna u li hi l-vuċi vera tal-poplu Malti u Għawdxi. Irrispettivament mit-twemmin politiku tal-individwu, permezz tal-Oppożizzjoni ngħatat vuċi kull min hu ta’ rieda tajba u ma jridx li aġir bħal dan jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, aġir li jħammeġ isem pajjiżna u li jġib miegħu inċertezzi f’pajjiżna li jġibu magħhom numru ta’ problemi. L-inċertezzi ma ġabuhomx l-Oppożizzjoni jew il-midja lokali u internazzjonali. L-inċertezzi ġabuhom Konrad Mizzi b’dak li għamel, u l-Prim Ministru Joseph Muscat b’dak li m’għamilx.

Fuq kollox, l-Oppożizzjoni wriet li fil-Parlament hemm xi ħadd li kapaċi jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dan it-tip ta’ aġir u jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru.