Lokali Saħħa

Il-waiting lists ma naqsux – il-MAM

Hemm ħafna pazjenti li qed jistennew saħansitra aktar minn sena qabel ma jkunu eżaminati minn Speċjalist fl-Isptar Mater Dei. Dan wassal biex matul is-sena li għaddiet il-pazjenti waqqgħu aktar minn 60,000 appuntament ma’ Tabib fl-Isptar tal-Gvern.

Dan qalu, f’kumment lil The Times of Malta, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan li sejjaħ bħala illużjoni meta wieħed jgħid li l-waiting lists tnaqqsu.

Balzan qal li filwaqt li n-numru ta’ pazjenti li ġew riferuti lejn l-Isptar qed jiżdiedu minn sena għall-oħra, mhux l-istess jista’ jingħad għan-numru ta’ speċjalisti, li ż-żieda f’dan in-numru kien wieħed żgħir ħafna.

Martin Balzan ikkwota analiżi li għamlet il-MAM u li uriet kif uħud mill-pazjenti li waqqgħu l-appuntamenti kienu laħqu għaddewlhom is-sintomi u għalhekk ma kienx għad kellhom bżonn kura.

Madankollu, oħrajn raw li l-kundizzjoni ta’ saħħithom kienet sejra għall-agħar u għalhekk marru direttament fid-Dipartiment tal-Emerġenza biex ikollhom appuntament ġdid.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM irrefera għall-fatt li llum għandna 100,000 persuna f’riskju ta’ faqar u kif dawn ikollhom jistennew għax ma jaffordjawx jieħdu kura fil-privat.

Min-naħa tiegħu, il-ġurnalist ta’ The Times ċempel l-Isptar Mater Dei biex taparsi jagħmel appuntament ma’ speċjalista tad-dijabete. Iżda dak li suppost kellu jkun l-ewwel appuntament biex tiġi kkurata din il-kundizzjoni, il-ġurnalist ġie mgħarraf li l-ewwel slot li teżisti għal appuntament hu 11-il xahar ieħor.