Lokali

L-MEA tressaq suġġerimenti dwar l-impjieg tal-barranin f’Malta

Il-ħaddiema barranin f’Malta, inkluż dawk minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, illum dawn ilaħħqu 13% tal-ħaddiema kollha f’Malta. Għaxar snin ilu, il-livell tal-barranin f’Malta kien t’inqas minn 5%.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet dan hekk kif ippubblikat position paper dwar l-impjieg ta’ ħaddiema mhux Maltin, speċjalment dawk li huma minn barra l-UE.

Id-dokument jinkludi għadd ta’ suġġerimenti msejsa fuq ħames prinċipji ewlenin: it-tnaqqis taż-żmien biex jiġu pproċessati l-karti biex persuna tiġi impjegata; it-twaqqif ta’ one-stop-shop marbut mal-permessi tax-xogħol; it-tneħħija ta’ xogħol ripetut dwar l-estensjoni tal-viża; is-simplifikazzjoni tat-test li jridu jagħmlu l-barranin għas-suq tax-xogħol; u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-ħaddiem u fuq min ikun qed iħaddem.

Dwar l-impjieg ta’ immigranti irregolari, l-assoċjazzjoni qalet li taqbel mal-pożizzjoni tal-Gvern fi twaqqif t’uffiċċji apposta biex xogħolhom jiġi regolat u jkun wieħed aktar diċenti.