Lokali

Owen Bonnici jgħid li l-Prim Ministru “għaqli” li jipposponi deċiżjoni dwar Konrad Mizzi

Skont il-Ministru Owen Bonnici, il-Prim Ministru qed ikun għaqli li jipposponi deċiżjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi, li nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.

Owen Bonnici kien mistoqsi jekk il-Prim Ministru għandux ikeċċi lil Konrad Mizzi wara li l-Panama Papers żvelaw li l-istrutturi finanzjarji sigrieti barra l-pajjiż ma nfetħux għall-assi tal-familja tiegħu iżda għal raġunijiet oħra.

Fil-ġimgħat li għaddew, kemm Konrad Mizzi kif ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat insistew li Konrad Mizzi fetaħ l-istrutturi barra mill-pajjiż minħabba l-assi tal-familja. Iżda d-dokumenti żvelati juru li r-raġunijiet li ngħataw kienu li l-istrutturi nfetħu għal senserija, ‘consultancy’, ‘gaming’ u ‘recycling’.

Iżda mistoqsi dwar dan il-fatt, jiġifieri kif il-Panama Papers kixfu mod ieħor minn kif kien intqal, il-Ministru Owen Bonnici faħħar lill-Prim Ministru li għadu qed jistenna biex jieħu deċiżjoni kontra Konrad Mizzi.

“Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru hija għaqlija li jieħu deċiżjoni meta jkollu l-fatti kollha quddiemu” sostna l-Ministru Owen Bonnici, filwaqt li fakkar li qed isir ‘audit’ minn “awtorità awtorevoli”. Fl-ebda ħin ma qal x’jisimha l-kumpanija li qed tagħmel l-‘audit’.