Edukazzjoni Lokali

Sport Stacking Malta: Għaqda li tgħin lit-tfal jitgħallmu bl-użu ta’ logħob kreattiv bit-tazzi

Sport Stacking Malta, għaqda li tiltaqa’ fis-Sala Parrokjali ta’ Fleur-de-Lys, għandha l-għan li tiġbor fiha tfal li jibnu strutturi differenti bl-użu ta’ tazzi.

Immexxija minn Dr Marina Bonello, Konsulenta fl-Edukazzjoni Fiżika b’20 sena esperjenza fit-tagħlim għat-tfal, l-għaqda evolviet f’għaqda li tgħin lit-tfal jużaw moħħhom minkejja li jkunu qed jilgħabu.

L-attivitajiet organizzati minn Sport Stacking Malta jgħinu fil-konċentrazzjoni u l-kordinazzjoni, iżda fuq kollox biex it-tfal jifhmu aktar l-element ta’ għaqda u ħidma f’tim. Dan hekk kif riċerka internazzjonali wara l-oħra uriet li eżerċizzji simili jgħinu lit-tfal isaħħu l-kreattività u jaqraw aħjar bl-użu ta’ logħob bħal dawn.

Tfal membri fi Sport Stacking Malta llum żaru d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, fejn għamlu numru ta’ eżerċizzji fil-preżenza ta’ numru ta’ Deputati, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar u Karl Gouder.

Il-kunċett ta’ ‘Sport Stacking’ jiġi użat f’54 pajjiż differenti madwar id-dinja. Għaldaqstant, l-għaqda Maltija qed tistieden lil min hu interessat jingħaqad biex jagħmel kuntatt billi jibgħat email lil sportstackingmalta@gmail.com.