Lokali

AĠĠORNATA: Kaċċatur ta’ 33 sena ferut gravi f’Ħad-Dingli

Raġel ta’ 33 sena spiċċa ferut kmieni dalgħodu waqt li kien għall-kaċċa f’Ħad-Dingli, qrib il-Kappella tal-Madalena.

Mill-informazzjoni li kiseb Net News, jirriżulta li l-kaċċatur intlaqat b’xi ċomb f’wiċċu għall-ħabta tas-7:30am.

Jidher li dak il-ħin, kaċċatur ieħor ta’ 66 sena spara għal tajra u f’dak il-ħin semgħa lill-vittma jgħajjat bl-uġiegħ. Minnufih ir-raġel ta’ 66 sena mar jiġri għal ħdejn il-vittma u tah l-ewwel għajnuna.

Allegatament hu ma kienx induna bil-preżenza tal-vittma fl-inħawi.

Il-kaċċatur ta’ 33 sena minn Ħad-Dingli ttieħed malajr l-Isptar Mater Dei għall-kura, bil-kundizzjoni tiegħu meqjusa bħala waħda gravi. Dan għaliex iċ-ċomb laqat l-aktar in-naħa ta’ għajnejh.