Lokali

Beppe Fenech Adami jiżvela li mar l-Ingilterra minħabba l-kanċer wara li Glenn Bedingfield jattakkah fi blog

Beppe Fenech Adami dalgħodu żvela li mar l-Ingilterra biex jingħata trattament għall-kanċer. Hu ħabbar dan fuq Facebook wara li Glenn Bedingfield attakk fi blog intitolat “Beppe Fenech Adami fi triqtu għall-Ingilterra”.

Fuq Facebook, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jinsab l-Ingilterra flimkien mal-mara tiegħu peress li għada se jkollu jagħmel numru ta’ testijiet mediċi fil-battalja tiegħu kontra l-kanċer.

Iżda Glenn Bedingfield dalgħodu attakka lil Beppe Fenech Adami mingħajr ma staqsa minn qabel għaliex il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien fi triqtu lejn l-Ingilterra.

Il-blogger Glenn Bedingfield huwa konsulent ta’ Joseph Muscat fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u jitħallas mit-taxxi pubbliċi waqt li jikteb blogs b’attakki fuq diversi individwi. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien mistoqsi jekk jaċċettax li Bedingfield joqgħod jibbloggja fil-ħin tax-xogħol. Iżda l-Prim Ministru kien iddefenda lill-konsulent tiegħu Bedingfield fejn qal li kulħadd għandu dritt għall-opinjoni.

Fil-post tiegħu fuq Facebook, Beppe Fenech Adami qal li jistenna li Muscat ikeċċi lil Glenn Bedingfield li mhuwiex ‘fit for purpose’, insensittiv, irresponsabbli u li qed ipoġġi l-Uffiċju tal-Prim Ministru f’mistħija kbira minħabba l-aġir tiegħu.

L-attakk ta’ Glenn Bedingfield fuq Beppe Fenech Adami meta dan bħalissa jinsab l-Ingilterra minħabba l-kanċer wassal għal mijiet ta’ kummenti fil-media soċjali li esprimew solidarjetà mal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.