Editorjal

EDITORJAL: Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi l-aġir korrott ta’ sħabu

Bħal-lum xahrejn faqqa’ f’Malta l-iskandlu kbir tal-Panama meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħabbret li Konrad Mizzi kellu konnessjonijiet maħmuġin ma’ New Zealand u mal-Panama.

F’pajjiż normali: kien ikeċċihom wara sagħtejn
F’pajjiż normali, il-Prim Ministru kien jibgħat għall-id ix-xellugija tiegħu, isir jaf li hemm involut ukoll l-id il-leminija tiegħu, u jkeċċihom it-tnejn wara sagħtejn. Imma wara xahrejn ta’ dan l-iskandlu enormi, u wara tliet snin sħaħ ta’ skandli li anke jinvolvu lilu, Joseph Muscat għadu jiddefendi l-aġir korrott ta’ sħabu.

Xi ddefenda Joseph Muscat f’dawn ix-xahrejn
L-affarijiet li għamlu l-eqreb tnejn min-nies huma għalkollox inaċċettabbli, imma Muscat mhux talli ma keċċihomx, talli gideb kontinwament hekk li hi ħaġa ovvja għal kulħadd li hu kompliċi magħhom. Qiegħed anke jipprova jbellagħha lin-nies li qed jistenna xi fatti meta l-fatti ilhom issa quddiemu u quddiem id-dinja kollha.

Il-fatti li sirna nafu mill-Australian Financial Review
Mill-Australian Financial Review, li hi waħda mill-107 organizzazzjonijiet tal-midja dinjija li kixfu l-iskandlu internazzjonali kbir tal-Panama, nafu dawn il-fatti:
· Keith Schembri fetaħ kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands;
· Ftit wara, fetaħ kumpanija sigrieta simili min kien imexxi t-Times li, kif saret taf xahrejn ilu, keċċietu u bdiet investigazzjoni mill-aktar serja;
· Tlett ijiem wara li Joseph Muscat ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru, Nexia BT tal-ħabib personali tiegħu bdiet tiftaħ tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama: waħda għal Keith Schembri, it-tieni għal Konrad Mizzi, u t-tielet għal xi ħadd sigriet;
· Nexia BT diġà kienet qalet lil Mossack Fonseca fil-Panama li l-isem tal-kumpanija sigrieta ma kinetx se tibagħtulhom b’email imma fuq Skype;
· L-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat qalu lil Mossack Fonseca li riedu jiftħu struttura waħda flimkien u kont tal-bank wieħed flimkien;
· Qalu lil Mossack Fonseca wkoll li isimhom ma seta’ jidher imkien, la marbut ma’ xi kumpanija sigrieta u lanqas marbut ma’ xi kont sigriet ta’ xi bank;
· L-idejn il-leminija u x-xellugija ta’ Muscat ippruvaw jiftħu kont sigriet f’banek f’Dubaj u fil-Panama imma dawn irrifjutawhom għax qalulhom:
– żgurawna li l-flus mhux ġejjin minn korruzzjoni,
– żgurawna li għamiltuhom minn qabel ma tlajtu fil-poter, mhux wara, u
– għidulna sewwa x’inhi s-‘senserija’ li qed iddaħħlu fil-poter;
· Idejn Muscat it-tnejn komplew jippruvaw jiftħu kont tal-bank sigriet f’seba’ banek oħrajn madwar id-dinja, jiġifieri f’disa’ banek b’kollox;
· Lill-ewwel żewġ banek qalulhom li l-flus kienu se jiġu mis-‘senseriji’, imbagħad lill-bqija vvintawlhom il-gaming u r-riċiklaġġ tal-iskart fl-Indja;
· L-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat taw il-go ahead, l-approvazzjoni tagħhom, biex Mossack Fonseca tiftħilhom kont sigriet f’bank fil-Panama li fih kienu jafu li riedu bilfors ipoġġu miljun dollaru fis-sena nkella jagħlquhulhom.

Dak li għamlu jdejn Joseph Muscat il-leminija u x-xellugija hu għalkollox inaċċettabbli u ma jixraq lil ħadd. Imma Joseph Muscat għadu jiddefendihom wara xahrejn li faqqa’ dan l-iskandlu, evidentement għax hu kompliċi magħhom. Dan, fil-fatt, hu l-aktar fatt li jixxokkja.

https://soundcloud.com/editorjal-radio101/joseph-muscat-jibqa-jiddefendi-l-agir-korrott-ta-shabu