Lokali

Fi kriżi ta’ korruzzjoni, il-Gvern jigdeb anke lill-marid – PN

Fi kriżi ta’ korruzzjoni, il-Gvern ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jigdeb lill-morda, pazjenti, dawk vulnerabbli u qraba tagħhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Mater Dei, ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg qalet li l-ftaħir ta’ dan il-Gvern quddiem ir-rapport annwali, jikkonferma kemm Muscat jinsab maqtugħ mir-realta u mhux talli mhux qed isolvi l-problema tal-waiting lists, talli lanqas biss qed jirrikonoxxiha.

Hi sostniet li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi bħalissa jinsab maqbud fl-akbar skandlu internazzjonali ta’ korruzzjoni u flok jindirizza l-problema, il-Gvern qed joħroġ jiftaħar li qed jiżdiedu n-numru ta’ persuni li jkollhom jidħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Hi rreferiet għall-istqarrija tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, li kuntrarju għal dak li jgħid il-Gvern, kill min jipprova jagħmel appuntament ta’ speċjalizzazzjoni, qed jistenna iktar minn sena.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici qalet li n-nuqqasijiet fil-qasam tas-saħħa jolqtu l-iktar nies vulnerabbli, b’mod partikolari, il-100,000 persuna li hemm fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna.

Paula Mifsud Bonnici sostniet li filwaqt li forsi r-realta’ għal ftit hi li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, għall-maġġoranza tal-poplu Malti, ir-realta’ hi li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex ilaħħqu mal-ħajja u li għalhekk jiddependu fuq is-servizz tal-Isptar Mater Dei għall-kura tagħhom.