Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jiddedika parti kbira tal-ewwel faċċata tiegħu għal ritratt tar-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit tilqa’ l-awguri tal-pubbliku f’Windsor. Ir-Reġina ilbieraħ għalqet 90 sena. Il-ġurnal għandu wkoll rapport mill-Qorti hekk kif missier u tliet uliedu, li jmexxu kumpanija tat-tindif, tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar ta’ persuni. Fl-ewwel faċċata wkoll hemm rapport dwar konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Partit Nazzjonalista jsostni li bil-kejl tiegħu stess ta’ kif ġab ruħu dwar l-iskandlu tal-Panama, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirriżenja.

TIMES OF MALTA jippubblika ritratt tal-kantawtur Prince li lbieraħ miet fl-eta’ ta’ 57 sena. L-istorja ewlenija fl-ewwel faċċata hi dwar id-diskrepanza li għadha teżisti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Storja oħra hi dwar l-eks Chairman tal-Gozo Channel li allegatament indaħal fl-operat tal-kumpanija meta ma qabilx ma deċiżjoni tal-kaptan li jieħu rotta itwal waqt vjaġġ minħabba riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

THE MALTA INDEPENDENT ukoll għandu ritratt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni tilqa’ l-awguri tal-pubbliku. Storja fl-ewwel faċċata ta’ dan il-ġurnal hi dwar iktar promozzjonijiet fl-Armata għal fizzjali li kienu ħadu promozzjoni wara l-elezzjoni ġenerali u li għaddiet u li b’din l-aħħar promozzjoni minn logutenent kurunell għal kurunell, dawn qabżu fizzjali li huma iktar kwalifikati u għandhom iktar esperjenza minnhom. Storja oħra hi dwar il-proġett tal-White Rocks li fiha jingħad li d-diskussjonijiet mal-“preferred bidder” mistennija jibdew sal-aħħar ta’ Mejju.

L-ORIZZONT jiddedika parti kbira mill-ewwel faċċata għall-istqarrija tal-Enemalta dwar it-titjib tal-kwalita’ tal-arju fil-Marsa wara l-għeluq tal-power station. Ir-rapport l-ieħor li fil-faċċata ta’ quddiem tal-ġurnal hu l-każ tal-allegat traffikar uman fejn erba’ diretturi tal-kumpanija Mr Clean tressqu quddiem il-Qorti sabiex iwieġbu għall-akkużi miġjuba kontrihom.