Internazzjonali

IĊ-ĊINA: Twissija dwar maħbubin barranin ‘li jistgħu jkunu spjuni’

Iċ-Ċina żiedet it-twissijiet dwar l-ispjunaġġ waqt ġimgħa ta’ attivitajiet biex jimmarkaw ir-ratifika, is-sena l-oħra, tal-Liġi Nazzjonali dwar is-Sigurtà.
Dan meta l-istampa nazzjonali qed tmexxi kampanja bbażata fuq il-karikaturi, bi twissija li ‘wieħed jew waħda jkunu qed jissugraw jekk joħorġu mal- barranin’.
Permezz tal-kampanja, spuntaw diversi posters, fuq stil ta’ cartoon, f’Beijing, fejn jispikka t-titlu Dangerous Love u messaġġ biex ‘in-nies ikunu attenti meta jkollhom date ma’ xi barrani’.
Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, issorvelja ristrutturizzazzjoni kbira tas-sistemi tas-sigurtà f’pajjiżu, bil-ħsieb li jikkontrolla theddid domestiku u minn barra.
Intant, il-liġijiet dwar is-sigurtà ġodda fiċ-Ċina allarmaw lill-Gvernijiet tal-Punent meta Beijing qed jaddotta atteġġjament dejjem aktar riġidu fil-konfront tad-dissens f’pajjiż iddominat mir-regoli dwar is-segretezza tal-Istat.