“Il-Gvern qed iqarraq: 5 speċjalisti biss kienu maħtura fl-2015” – il-MAM

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija hi diżappuntata għall-fatt li l-Gvern qed jagħti informazzjoni parzjali jew qarrieqa dwar il-listi ta’ stennija fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija, il-MAM qalet li m’hemm ebda informazzjoni li tikkonferma li t-tnaqqis fil-listi ta’ stennija hi dovuta għal żieda fis-servizzi offruti. Il-MAM qalet li d-domanda qegħda dejjem tikber minħabba migrazzjoni, turiżmu u popolazzjoni li qed tixjieħ. Barraminhekk, kull min jipprova jagġħmel appuntament fl-ispeċjalitajiet mediċi ewlenin, ftit huma dawk li għandhom stennija ta’ inqas minn sena.

Il-MAM qalet ukoll li minn informazzjoni maħruġa mill-Gvern stess, 5 speċjalisti biss inħatru f’postijiet ġodda matul is-sena li għaddiet. Dawn kienu tlieta fid-Dipartiment tal-Anestesija, wieħed minnhom f’Għawdex, wieħed fil-mediċina sportiva u l-ieħor fil-gastroenteroloġija. Minbarra dawn il-ħamsa, matul is-sena li għaddiet inħatru tliet speċjalisti oħra li ħadu post oħrajn li rtiraw.

Il-MAM qalet li dan ifisser li ma kien hemm ebda espansjoni fil-maġġoranza kbira tal-ispeċjalizzazzjonijiet mediċi u kirurġiċi.

Il-MAM ħeġġet lill-awtoritajiet tas-Saħħa li jekk verament għandhom l-interess tal-pazjenti għal qalbhom, dawn għandhom jirrikonoxxu l-problema, jippubblikaw informazzjoni realistika u jippjanaw kif din se tittaffa.