Lokali

“Il-PN huwa t-tama li l-affarijiet jistgħu jsiru b’mod differenti” – Simon Busuttil

“Il-PN huwa t-tama li l-affarjiet jistgħu jsiru b’mod differenti”. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attivita’ tal-Partit Nazzjonalista organizzata mill-MNPN f’Raħal Ġdid.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Gvern qed iwettaq bosta skandli u għalih jibqa’ kollox qisu xejn m’hu xejn. Huwa qal li issa l-poplu Malti mhux se jibqa’ jħares lejn Muscat kif kien qabel, anke niesu stess. Il-poplu Malti issa għandu d-dubju fuq il-Prim Ministru u l-Gvern Laburista.

Simon Busuttil qal li l-poplu Malti tilef il-fiduċja fil-Gvern Laburista u huwa għalhekk li l-PN ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-gvern Laburista, għax dan huwa rifless tas-sentiment vera tal-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa qal li l-PN irrid jiġġieled għas-sewwa u li s-sewwa ma jirbaħx waħdu u għalhekk hemm bżonn l-appoġġ tan-nies lejn il-PN fejn lest li jkun hemm għan-nies “b’onesta’, integrita’ u serjeta’ biex jitwettaq il-ġid ma’ kulħadd”. Huwa elenka li bl-azzjonijiet ħżiena tal-gvern, il-gvern qed jgħakkes il-batut.

Simon Busuttil qal li Joseph Muscat mhux jiggverna b’mod ġust u li hemm bżonn tibdil bix-xieraq fl-amministrazzjoni u istituzzjonijiet Governattivi biex dawn ikunu tassew jaqdu dmirhom lejn il-poplu.

Tul id-diskussjoni kien hemm interventi tal-kelliema mistiedna fosthom ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, l-MEP Roberta Metsola u l-opinjonista Andrew Borg Cardona.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li issa huwa ż-żmien li niġġieldu għas-sewwa f’pajjiżna. L-istess Jason Azzopardi kien sofra attakki ta’ malafama, fejn fil-15 t’April huwa ġie liberat mill-akkużi ta’ malafama.

L-MEP Roberta Metsola qalet li Konrad Mizzi qed jaghmel il-ħsara l-pajjiżna, fejn pajjiżna minħabba ismu qed jitħammeġ u miegħu qed iħammeġ isem Malta ma’ pajjiżi oħra. Hija qalet li anke Alfred Sant irid li Mizzi jirriżenja għax huwa fl-interess nazzjonali, li l-Ministru Konrad Mizzi jirriżenja.

Andrew Borg Cardona qal li l-PN għamel żbalji, imma llum hemm żgur problema akbar. Huwa qal li Malta qegħda fi kriżi u l-unika Partit li jista’ joħroġ lil Malta minn din il-kriżi, huwa l-Partit Nazzjonalista.

kap rahal gdid 2