Il-Pulizija f’Ohio, fl-Istati Uniti, qed jinvestigaw is-sejba ta’ millanqas seba’ katavri ta’ nies f’diversi bnadi tal-Istat, meta għad hemm numru ta’ ‘teoriji’ dwar il-qtil u ċ-ċirkostanzi involuti.
Diversi sorsi qalu li l-vittmi, inklużi tfal, huma membri tal-istess familja. Skont is-CBS News, huma nqatlu waqt sparaturi ġo residenzi rispettivi ta’ Piketon, li jinsab lejn in-Nofsinar ta’ Columbus.
Xejn mhu magħruf (għalissa) dwar l-aggressur jew aggressuri responsabbli. Dan meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Ohio qed jiġbor id-dettalji kollha tal-każ makabru. Intant, numru ta’ pulizija mill-aġenziji tal-Istat intbagħtu lejn zoni indikati bħala ‘xeni tad-delitt’ fejn qegħdin ifittxu għal suspettat jew suspettati potenzjali.
Ma ħareġ xejn konkret dwar xi arresti inkella dwar aggressur/aggressuri li jistgħu qegħdin jiġru ħielsa f’sitwazzjoni ta’ active shooter. Iżda skont il-Fox News, hemm, almenu raġel suspettat ‘li qed jiżgiċċa lill-pulizija’ li, fl-aħħar sigħat, għalqet l-aċċessi madwar ‘dar tal-mewt’ fejn instabu wħud mill-katavri.
Ħareġ anki allert assolut għall-inħawi madwar il-lokalitajiet ta’ skejjel għolja u elementari li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ lockdown, minħabba ċ-ċirkostanzi f’Piketon.
//= $special ?>