Internazzjonali

Jiffirmaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

epa05272098 French President Francois Hollande (L) sits next to United Nations Secretary-General Ban Ki-moon (R) during the opening ceremony of the High-Level Event for the Signature of the Paris Agreement at the United Nations Headquarters in New York, New York USA, 22 April 2016. EPA/ANDREW GOMBERT

Għexieren ta’ pajjiżi il-Ġimgħa kellhom jiffirmaw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Ftehim storiku, issa, jersaq pass ’il quddiem lejn l-implimentazzjoni, snin qabel id-data li kienet ipprogrammata oriġinarjament.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry, issieħeb mal-mexxejja ta’ pajjiżi għal ċerimonja tal-iffirmar fil-kwartieri-ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fi New York. Il-pajjiżi li ma ħadux il-pass il-Ġimgħa għandhom żmien sa sena biex jagħmlu dan.
Talanqas 155 pajjiż impenjaw ruħhom li jiffirmaw il-ftehim storiku, b’ħafna pajjiżi, illum, jistennew li dan jidħol fis-seħħ minn ħafna qabel id-deadline oriġinali tal-2020. Lanqas mhu eskluż li l-ftehim jibda jkun implimentat fi prattika anki minn din is-sena.
Il-pass li jmiss wara l-iffirmar jesiġi biex il-pajjiżi jappruvaw, formalment, il-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ proċeduri domestiċi. In-NU qalet li, almenu, 13 il-pajjiż kienu mistennija jagħmlu dan sal-bieraħ b’li jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika tagħhom.
Il-ftehim jidħol fis-seħħ ladarba jissieħbu għalih formalment 55 pajjiż li jirrappreżentaw almenu 55 fil-mija tal-emissjonijiet globali. L-Istati Uniti u ċ-Ċina, li, flimkien, jipproduċu kważi 40 fil-mija tal-emissjonijiet, qed jaħsbu li jiffirmaw għalih din is-sena.