Edukazzjoni Lokali

Jitħabbru l-ismijiet tal-Pro-Retturi tal-Università ta’ Malta

Ir-Rettur Elett, il-Professur Alfred J. Vella, illum ħabbar, waqt laqgħa tal-Kulleġġ tad-Dekani, l-ismijiet tal-Pro- Retturi li se jkun qed jaħtar meta tibda l-kariga tiegħu bħala Rettur tal-Università ta’ Malta fl-1 ta’ Lulju 2016.

L-ismijiet u r-risponsabbiltajiet huma:

Il-Professur Joe Cacciottolo – Affarijiet Akkademiċi
Dr Carmen Sammut – Affarijiet tal-Istudenti u l-Istaff u l-Outreach
Il-Professur Saviour Zammit – Riċerka u Transfer ta’ Għerf
Il-Professur Godfrey Baldacchino – Żvilupp Internazzjonali
Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici – Pjanar Strateġiku u Intrapriża

Il-Professur Cacciottolo bħalissa huwa l-Koordinatur għall-Programm tal-Umanitajiet, il-Mediċina, u x-Xjenza (HUMS) taħt il-ħarsien tal-Fakultà tal-Arti. Dr Carmen Sammut hija l-Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fil-Fakultà tal-Arti. Il-Professur Saviour Zammit huwa Professur Assoċjat fid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Komunikazzjoni u l-Kompjuters, fil-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, u Direttur taċ-Ċentru għall-Intraprenditorija u għall-Inkubazzjoni tan-Negozju (CEBI).

Il-Professur Godfrey Baldacchino huwa Professur fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija, fil-Fakultà tal-Arti u Chairman taċ-Ċentru ta’ Istudju dwar ix-Xogħol. Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Marketing fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy.