Internazzjonali

Obama f’Londra b’missjoni ‘favur l-Unjoni Ewropea’

epa05271213 US President Barack Obama disembarks from Air Force One at London Stansted Airport, Britain, 21 April 2016. EPA/HANNAH MCKAY

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, beda żjara fir-Renju Unit, bl-iskop li jipperswadi lill-Britanniċi biex ma jivvutawx kontra l-isħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea.
Il-poplu tar-Renju Unit qed iħejji biex jivvota fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju; bl-Istati Uniti tinkwieta li t-tluq ta’ dan il-pajjiż mill-UE kapaċi jdgħajjef il-Punent.
Hu mistenni li Obama jissuġġerixxi li l-Britanniċi jivvutaw favur l-isħubija fl-UE ħalli jippreservaw il-livell tal-ġid soċjali fir-Renju Unit. Mistenni wkoll li l-Istati Uniti twassal il-messaġġ li t-tkomplija tar-Renju Unit bħala membru tal-Unjoni Ewropea tippreserva wkoll ‘ir-relazzjoni speċjali’ bejn Londra u Washington, minbarra li ssaħħaħ il-Punent bħala entità konkreta.
Iż-żjara ta’ Obama fir-Renju Unit segwiet impenn fl-Arabja Sawdija fejn il-President Amerikan kellu, fost oħrajn, taħditiet mar-Re Salman.
Intant, il-Gvern tal-Istati Uniti, flimkien ma’ diversi banek u kumpaniji Amerikani, jinkwetaw li sitwazzjoni ta’ Brexit ( il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE) twassal għal taqlib notevoli fis-swieq, minbarra li tnaqqas mill-influwenza u l-istatus ta’ Londra bħala kapitali finanzjarja globali.
Fl-istess ħin, ma naqasx l-inkwiet li konferma ta’ Brexit tispiċċa ddgħajjef lill-Unjoni Ewropea u tnaqqas il-livell tas-sigurtà għall-Punent.
L-aħħar stħarriġ juri li l-elettorat Britanniku hu dispost favur l-isħubija kontinwa tar-Renju Unit bħala membru tal-Unjoni Ewropea, iżda hu minnu wkoll li numru kbir ta’ votanti għadhom indeċiżi.