Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, ħeġġeġ lill-poplu tar-Renju Unit biex ikompli bħala membru attiv tal-Unjoni Ewropea. Hu sostna, fost oħrajn, li l-istatus quo għandha ‘tenfasizza l-influwenza tal-Britanniċi madwar id-dinja’.
Iż-żjara ta’ Obama fir-Renju Unit hi l-aħħar waħda tiegħu bħala President Amerikan fejn hu u martu Michelle, sigħat ilu, attendew ikla privata mar-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, fil-Kastell ta’ Windsor. L-aħħar laqgħa bejniethom kienet saret fl-2011 meta l-koppja Obama kienet residenti fil-Palazz ta’ Buckingham.
Ftit tal-ħin ilu, il-President Obama u l-Prim Ministru Britanniku, David Cameron indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet konġunta f’Londra u fejn spikka mill-ġdid il-messaġġ ewlieni li l-isħubija fl-UE iżżid is-saħħa u s-sigurtà tar-Renju Unit. Cameron, min-naħa tiegħu, qal li l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea ‘issaħħaħ ir-relazzjoni speċjali ta’ pajjiżu mal-Istati Uniti’.
L-intervent tal-President Amerikan rigward ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju li jiddeċiedi l-futur tar-Renju Unit bħala membru tal-UE qajjem dibattitu sostanzjali u kummenti negattivi min-naħa tal-elementi li jridu jinħallu mill-Unjoni.
Il-President Obama, permezz ta’ artiklu f’The Daily Telegraph, kiteb li l-elettorat Britanniku, fl-aħħar mill-aħħar, irid jiddeċiedi għalih jekk ikomplix fl-UE jew le. Intant, Obama għamilha ċara li r-riżultat tad-deċiżjoni jinteressa bil-kbir lill-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru Cameron, intant, bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘l-Istati Uniti hi waħda mill-akbar alleati tal-Britanniċi u għaldaqstant importanti li l-poplu jisma’ minn Barack Obama għaliex ir-Renju Unit irid ikompli fl-UE’.
L-analisti jaqblu li l-fatt li Obama għamel intervent speċifiku fil-konfront tal-Brexit (il-proċess fejn ir-Renju Unit jispiċċa mill-UE) jirrifletti t-tħassib profond ta’ Washington rigward l-implikazzjonijiet ta’ dan ix-xenarju potenzjali għall-Unjoni Ewropea.
Obama qal, permezz tal-artiklu, li r-Renju Unit ibbenefika mis-sħubija fl-UE f’termini ta’ xogħol, kummerċ u żvilupp finanzjarju, waqt li kattar l-influwenza tiegħu fid-dinja.
“Dan it-tip ta’ koperazzjoni – mill-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta, sal-impenn għal kontra t-terroriżmu u t-tfassil ta’ ftehim għall-ħolqien tax-xogħol u l-iżvilupp ekonomiku – tkun bil-wisq aktar effettiva jekk testendi madwar l-Ewropa… Issa hu ż-żmien biex il-ħbieb u l-alleati jibqgħu flimkien,” kompla l-messaġġ ta’ Obama.
Il-President tal-Istati Uniti illejla jattendi ikla fil-Palazz ta’ Kensington, li ħejja l-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge u martu, id-Dukessa Kate, u fejn se jkun preżenti wkoll il-Prinċep Harry.
//= $special ?>