L-awtoritajiet fil-Latvja iddeċidew li jipprojbixxu l-velu tal-wiċċ (in-niqab) għan-nisa Iżlamiċi, minkejja li jilbsuhom biss tliet nisa residenti f’dan il-pajjiż.
Il-projbizzjoni tagħmilha ċara li l-ebda mara ma tista’ taħbi wiċċha (bil-velu) fil-pubbliku, bl-awtoritajiet isostnu li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hi neċessarja għall-protezzjoni tal-kultura tal-Latvja.
L-istess awtoritajiet anki insistew dwar punt ieħor pertinenti – jiġifieri ‘li din il-miżura tevita li t-terroristi jippruvaw jgħaddu l-armi moħbija taħt ilbieshom’.
Issa, il-Ministru għall-Ġustizzja tal-Latvja, Dzintars Rasnacs, qal li l-liġi l-ġdida – li hu jittama li tidħol fis-seħħ fil-pajjiż sal-2017 – għandha anqas x’taqsam man-numru tan-nisa Iżlamiċi fil-Latvja li jilbsu n-niqab tradizzjonali u aktar ma’ sistema li taċċerta li immigranti prospettivi jirrispettaw il-valuri ta’ dan il-pajjiż.
Meta kellem lin-New York Times, Rasnacs qal li l-leġiżlaturi huma fid-dmir li jadottaw miżuri preventivi. Hu kompla li ‘b’din il-miżura, l-awtoritajiet f’Riga mhux biss qed jipproteġu l-valuri kulturali u storiċi tal-Latvja iżda anki dawk tal-Ewropa’.
Projbiti veli tal-wiċċ fil-Latvja minkejja li jintlibsu minn tliet nisa biss
