Il-militar Russu fis-Sirja ‘sparaw almenu darbtejn’ fuq ajruplani tal-gwerra Iżraeljani, meta jingħad li l-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, qed jinsisti għal titjib fil-kordinazzjoni ma’ Moska ‘biex jevitaw il-konfronti bla bżonn’.
Dan ħareġ minn rapport tal-gazzetta Iżraeljana Yedioth Ahronoth, li, madankollu, ma pprovditx dati jew il-lokalità tal-inċident. Lanqas ma ngħatat indikazzjoni ta’ jekk l-ajruplani ntlaqtux fl-inċident irrappurtat, meta r-Russja ilha minn Settembru tmexxi intervent militari fis-Sirja biex issostni r-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.
Sadanittant, l-istazzjon televiżiv Iżraeljan Channel 10 kellu rapport separat li ajruplan tal-gwerra Russu, jiem ilu, kien avviċina ajruplan tal-gwerra Iżraeljan ’il hinn mill-kosta tas-Sirja fiz-zona tal-Mediterran u fejn ‘baqa’ ma sarx kuntatt bejniethom’.
L-Uffiċċju ta’ Netanyahu u l-Ambaxxata Russa f’Iżrael ma weġbux mal-ewwel għal dawn ir-rapporti.
Russi ‘jisparaw’ fuq ajruplani Iżraeljan
