Raġel ta’ 58 sena minn Santa Luċija kien kundannat sena ħabs sospiża għal tliet snin wara li ammetta li qatel ferħ ta’ qattus ta’ madwar ħames ġimgħat bi planka tal-injam. Il-Qorti poġġiet lir-raġel taħt ordni ta’ probation u li għandu jissottometti ruħu għal trattament mediku.
Ir-raġel tressaq mill-Ispettur Chantelle Casha quddiem il-Maġistrat Anthony Vella akkużat b’moħqrija tal-annimali u qtil ta’ annimal domestiku. Ir-raġel kien qal lill-Pulizija li qatel il-ferħ ta’ qattus għaliex kien “mgħaxxex u deher marid”. Il-Pulizija ssejħet wara li l-akkużat intlemaħ jarmi l-qattus mejjet fit-triq. Meta spezzjonat id-dar tal-akkużat, il-Pulizija sabet sebat ifrieħ oħra, ħamsa minnhom tat-twelid.
L-Avukat Benjamin Valenzia għan-nom tal-akkużat innota li r-raġel ammetta fi stadju bikri u rrefera għall-kundizzjoni medika tiegħu. Hu qal ukoll li l-akkużat hu dispjaċut għall-aħħar ta’ għemilu. L-Avukat talab ukoll sabiex isem l-akkużat ma jixxandarx. Filwaqt li l-Qorti ċaħdet it-talba għad-divjet fuq l-identita’ tal-akkużat, dan is-sit mhux se jippubblika l-isem għas-sigurta’ tiegħu.
Il-Qorti qalet li l-azzjoni tar-raġel ma “jagħmlu ebda sens” u jidher ċar li għandu bżonn l-għajnuna. Il-Qorti qalet ukoll li piena m’hu se tgħin lil ħadd u r-raġel għandu bżonn ta’ superviżjoni.”
//= $special ?>
