Internazzjonali

Wieħed mit-terroristi tal-Belġju kien ‘għassa ma’ ostaġġi’ fis-Sirja

Wieħed mit-terroristi li tajjar l-isplużivi fl-attakk qattiel tat-22 ta’ Marzu fl-ajruport ta’ Brussell kien serva bħala gwardjan ma’ erba’ ġurnalisti Franċiżi miżmuma ostaġġi mill-ISIS, fis-Sirja, bejn l-2013 u l-2014.

Kienet proprja l-avukata għal dawn l-eksostaġġi (li nħelsu f’April tal-2014) li żvelat l-informazzjoni dwar it-terrorista Najim Laachraoui, li dak iż-żmien kien magħruf bħala ‘Abou Idriss’. Laachraoui u t-terrorista sieħbu, Ibrahim el-Bakraoui, it-tnejn tilfu ħajjithom fl-attakki suwiċida ta’ Marzu mill-ISIS fl-ajruport ta’ Zaventem u li, flimkien ma’ attakk terroristiku ieħor, fl-istess jum, fil-metro ta’ Brussell, ħallew 32 mejtin.

Laachraoui, li kellu 24 sena, kien inġinier Belġjan minn Schaerbeek, subborg ta’ Brussell, u kellu r-rabtiet mal-ġellieda tal-ISIS li attakkaw Pariġi (fi Franza) fl-2015.

Intant, u skont l-eksostaġġi – Didier Francois, Pierre Torres, Edouard Elias u Nicolas Henin, li kienu damu għaxar xhur miżmuma mill-ISIS – Laachraoui, l-istess bħal terrorista ieħor li kien qed jgħassishom, ‘kien sparixxa mix-xena’ f ’Jannar tal-2014.