Il-Kummissjoni Ewropea talbet formalment spjegazzjoni mill-Gvern Malti sabiex jiġġustifika r-raġuni għaliex infetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegha
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem bħala deċiżjoni politika u mhux xjentifika.
Din l-ispjegazzjoni qed tintalab minħabba l-fatt li l-Unjoni Internazzjonali tal-Konservazzjoni tan-Natura ikklassifikat il-gamiema bhala speċi vulnerabbli.
Il-President ta’ Birdlife Darryl Grima qal li r-riċerka tal-IUCN uriet li l-popolazzjoni tal-gamiem naqset bi 30 fil-mija f’dawn l-aħħar 15-il sena u dan hu fatt xjentifiku li ma jmerieh ħadd. Minkejja dan, Malta jibqa’ l-uniku pajjiż li għadu jippermetti l-kaċċa fuq il-gamiem fir-Rebbiegħa. Hu appella sabiex il-Gvern jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa fuq il-gamiem.
Nicholas Barbara, Conservation Manager ta’ Birdlife Malta, qal li l-vot tagħha fil-Kumitat Ornis kien l-uniku wieħed li ma kienx favur il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa. Hu qal li meta l-Birdlife talbet raġuni għaliex l-istaġun reġa fetaħ fid-dawl tal-fatt li l-gamiem issa hi uffiċjalment speċi vulnerabbli, il-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit tal-Gvern Sergej Golovkin, naqas milli jagħti spjegazzjoni għal din id-deċiżjoni.
Mark Sultana qal li din it-talba formali għal spjegazzjoni min-naħa tal-Gvern turi l-gravita’ tas-sitwazzjoni. Hu fakkar li l-Kummissjoni Ewropea qatt ma talbet ġustifikazzjoni meta l-Gvern kien jippermetti kaċċa sa massimu ta’ 11,000 gamiema. Il-fatt li qed titlob spjegazzjoni issa, li l-limitu tniżżel għal 5,000 gamiema, hu indikazzjoni ċara li l-affarijiet inbidlu u li l-Kummissjoni Ewropea għandha dubji serji dwar is-sostenibbilta’ tal-kaċċa fuq il-gamiem matul l-istaġun tar-Rebbiegħa.
//= $special ?>

