Lokali

Jeħtieġ li jiżdiedu t-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet letterarji Maltin

“L-awturi Maltin u Għawdxin m’għandhom xejn inqas mill-awturi sħabhom Ewropej tant li xogħlijiet Maltin ġew rikonoxxuti madwar id-dinja b’mod speċjali fix-xenarju Ewropew. Prova ta’ dan huwa li hemm pubblikaturi barranin li jinsabu lesti li jagħmlu traduzzjoni ta’ xogħlijiet tal-Maltin fil-lingwi tagħhom”.

Hekk sostnew ammont ta’ kittieba u awturi Maltin li attendew għall-attivitá tal-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Copyright.

Filwaqt li t-talent ma jonqosx, f’Malta peress li pajjiż żgħir, l-awturi u l-kittieba għandhom diffikultajiet li huma differenti minn dawk ta’ pajjiżi kbar u għalhekk tinħass aktar il-ħtieġa li l-għajnuna mill-Ewropa tiżdied u li dawk kollha nvoluti f’dan is-settur jingħaqdu u jkunu vuċi waħda biex ix-xogħlijiet Maltin jibqgħu mħarsa. Dan ukoll minħabba l-insularitá tal-lingwa Maltija.

Saret enfasi fuq l-importanza tat-traduzzjoni tal-opri letterarji Maltin li tista’ twassal għal aktar għarfien u tqajjem kuxjenza akbar dwar xogħlijiet Maltin u dwar l-istorja letterarja Maltija.

Ġie diskuss ukoll ir-rwol tat-tradutturi u l-pubblikaturi. Matul l-attivitá li tellgħet l-Ewroparlamentari Maltija Comodini Cachia, il-pubblikaturi għamlu wkoll appell fuq il-ħtieġa li jiżdied l-infurzar tal-copyright fil-ġlieda kontra l-piraterija. Dan għandu jsir biex il-kittieba jingħataw l-għarfien u rinumerazzjoni ta’ xogħolhom iżda wkoll biex il-pubblikaturi jkunu jistgħu jinvestu aktar fl-awturi.

Meta indirizzat lil dawk preżenti għall-attivitá, l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia ħeġġet lill-istakeholders kollha Maltin biex jingħaqdu ma’ oħrajn Ewropej biex il-vuċi tagħhom tissaħħaħ meta l-leġiżlaturi jaslu biex jirregolaw dan is-settur.

Dan fid-dawl li fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta proposta dwar emendi fid-direttiva tal-copyright. Therese Comodini Cachia diġá serviet ta’ rapportuer tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fuq rapport li ppropona reviżjoni ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-isfidi li s-settur għandu llum.

Hija wkoll kienet kontributur ewlieni fit-tfassil ta’ policy paper dwar il-copyright tal-PPE fuq l-armonizzazzjoni tal-copyright. Hija saħqet li regolarment qed tiltaqa’ mal-istakeholders biex tifhem aħjar l-isfidi u b’hekk tkun tista’ tirrifletti l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew.