Internazzjonali

L-ebda sinjal li l-mewt ta’ Prince kien suwiċidju

Filwaqt li d-dilettanti tal-mużika madwar id-dinja qed ifakkru l-memorja tal-kantant Prince, li, nhar il-Ħamis, miet fid-dar tiegħu, taħt ċirkostanzi misterjużi, l-awtoritajiet fl-Istat Amerikan ta’ Minnesota qalu li mhemm l-ebda raġuni biex jemmnu li l-mewta setgħet irriżultat minn suwiċidju.

Prince, li kellu 57 sena, instab mejjet ġo lift fil-kumpless tal-istudjo li jifforma parti mir-residenza tiegħu, fl-inħawi ta’ Paisley Park.

Sadanittant, ix-Sheriff ta’ Minnesota County qal li l-katavru ta’ Prince ma jidhirx li għandu xi effetti ta’ trawma, fost suġġerimenti li l-‘kantant spiċċa jmut waħdu’.

Intant, l-awtoritajiet qalu li r-riżultati sħaħ tal-awtopsja fuq il-katavru ta’ Prince jistgħu jdumu l-ġimgħat u li l-inċident għadu suġġett għal investigazzjoni.

Xi jiem qabel mewtu, Prince kien iddaħħal l-isptar b’urġenza, f’Illinois, waqt li kien qed jivvjaġġa lura d-dar, bl-ajruplan, wara kunċert li kien ta f’Georgia.
Intant, hu kien ħareġ mill-isptar wara li ngħata t-trattament dovut. Is-sit tal-aħbarijiet dwar l-ispettaklu, TMZ, ikkwota sorsi ‘anonimi’ fis-sens li l-kantant, dakinar, kien trattat għal overdose ta’ mediċina li għandha kwalitajiet ta’ painkiller.

Il-fans ta’ Prince madwar id-dinja, illum, qed jilbsu l-kulur vjola li hu assoċjat mal-mibki kantant li biegħ aktar minn 100 miljun diska tul il-karriera tiegħu. Il-mużika innovattiva ta’ Prince tinkorpora diversi ġeneri, fosthom ir-Rock, il-jazz u l-funk u meta l-kantant kiseb suċċessi kbar b’albums bħal Dirty Mind, 1999 u Sign O’ The Times.

Fost l-aktar suċċessi (singles) magħrufa ta’ Prince hemm When Doves Cry, Purple Rain, Raspberry Beret, Little Red Corvette u Diamonds and Pearls.