Għall-iżviluppaturi Ġordaniżi, jidher li eluf ta’ metri kwadri f’art verġni barra miz-zona tal-iżvilupp fiż-Żonqor u l-bini tal-Baċir numru 1 f’Bormla m’humiex biżżejjed. Jidher li anki l-binja fix-Xatt ta’ Bormla li kellha tkun għassa tal-Pulizija spiċċat inbelgħet minn dan il-proġett.
Dan l-istazzjon rċieva informazzjoni li l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla mhux se tmur fil-parti magħrufa bħala l-British Building biswit il-Baċir Numru 1 iżda se tibqa’ fil-bini attwali ftit ‘il fuq minn Pjazza Gavino Gulia.
Net News żar iz-zona tal-Baċir Numru 1 f’Bormla fejn tajna ħarsa lejn l-applikazzjoni li hemm quddiem il-MEPA, kif jidher fl-applikazzjoni tal-istituzzjoni edukattiva, il-bini tal-għassa tal-Pulizija, li kellu applikazzjoni separata, ġie assorbit fil-proġett tal-Ġordaniżi.

Il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura kien ħabbar dan il-proġett f’Ġunju ta’ sentejn ilu u li għalih kienu allokati €300,000 mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea.
Rapporti fil-media dawk il-ġranet kienu aċċennaw għall-importanza ta’ post aħjar għall-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, speċjalment għall-fatt li hi l-punt ta’ riferiment għall-Pulizija fir-raba’ distrett li jinkludi l-Kottonera, ix-Xagħjra, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.
L-Għassa l-ġdida hi prattikament lesta iżda madanakollu, jidher li l-bżonnijiet tal-iżviluppaturi Ġordaniżi ingħataw il-preċedenza fuq il-bżonnijiet tal-Korp tal-Pulizija u b’konsegwenza ta’ dan, għandhom preċedenza wkoll fuq il-bżonnijiet tal-komunita’.
Sorsi fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali kkonfermaw li l-Għassa ta’ Bormla se tibqa’ fejn hi. Dan minkejja li għal diversi snin ilha tinħass il-ħtieġa li din tiċċaqlaq għal bini ikbar minħabba problemi ta’ spazju.
//= $special ?>

