Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, qalet li tista’ titlob lill-organizzazzjoni Mercosur, li twaqqfet għal skopijiet kummerċjali u li hi magħmulha minn Stati Latini-Amerikani, biex tissospendi lil pajjiżha, f’każ li hi titneħħa mill-poter.
Rousseff, li hi membru tal-Partit tal-Ħaddiema u li qed tiffaċċja proċess għal impeachment, tinsisti li dan il-proċess hu ‘sempliċi kolp ta’ stat’ mill-avversarji politiċi li jridu jneħħuha minn President. Il-President, sadanittant, ċaħdet akkużi li hi immanipulat statistika tal-baġit nazzjonali qabel rebħet tieni mandat ta’ Presidenza, fl-2014.
Il-grupp tal-pajjiżi Mercosur għandu provvediment li jippermetti sanzjonijiet kontra pajjiż f’sitwazzjoni fejn il-Gvern elett jitwarrab f’ċirkostanzi li mhumiex tas-soltu. Xi jiem ilu, il-kamra t’isfel tal-Kungress tal-Brażil ivvota biex jibdew proċeduri ta’ impeachment kontra Rousseff u l-mozzjoni, issa, se titressaq quddiem is-Senat fi Brasilia, li, ix-xahar id-dieħel, mistenni jieħu deċiżjoni biex jissospendi lill-President.
Madankollu, Rousseff tidher determinata li tirreżisti l-impeachment akkost ta’ kollox anki jekk ir-rapporti jissuġġerixxu li l-maġġoranza assoluta tal-81 senaturi fi Brasilia x’aktarx jivvutaw biex dan il-proċess ikun ikkunsidrat.
Minkejja l-akkużi li Rousseff, ftit tas-snin ilu, immanipulat il-kontijiet tal-Gvern biex turihom f’dawl ekonomiku aħjar, hi, issa, qed tiddefendi l-manuvri fiskali inkwistjoni bħala ‘prattika komuni’ fil-Brażil.
//= $special ?>