Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama kompla biż-żjara tiegħu fir-Renju Unit fejn, f’Londra, ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jiċħdu ċ-ċiniċiżmu u l-pessimiżmu waqt li jiftakru dejjem li l-progress hu possibbli.
Obama qal dan waqt laqgħa li kellu maż-żgħażagħ f’Lindley Hall, fiċ-ċentru tal-kapitali u fejn tkellem ukoll dwar is-sigurtà u l-isfidi kbar tal-Istati Uniti u r-Renju Unit biex ibiegħdu l-periklu tat-terroristi f’soċjetà li tirrifletti diversità ta’ ideat u stili ta’ħajja.
Il-Mexxej Amerikan qal li jħossu kburi bil-bidliet li rnexxielu jwettaq fis-sistema għall-kura tas-saħħa fl-Istati Uniti waqt li esprima sodisfazzjon għall-isforzi ‘li salvaw lill-ekonomija tad-dinja minn dipressjoni kbira’.
Barack Obama anki żar il-Globe theatre ta’ Londra fejn segwa lill-atturi jinterpretaw xeni minn Hamlet, waqt il-festi li qed ifakkru l-400 sena mill-mewt tal-magħruf drammaturgu Ingliż, William Shakespeare.
Fil-jum ta’ qabel, Obama ħeġġeġ biex il-Britanniċi jibqgħu fl-Unjoni Ewropea meta r-Renju Unit jivvota dalwaqt biex jiddeċiedi l-futur bħala membru tal-grupp ta’ pajjiżi.
Intant, numru ta’ personalitajiet politiċi li huma favur li r-Renju Unit joħroġ mill-UE huma urtati għal Obama, li, waqt konferenza tal-aħbarijiet, nhar il-Ġimgħa, wissa li r-Renju Unit ikollu jistenna ‘fl-aħħar tal-kju’ għall-ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti, f’każ li l-Britanniċi jagħżlu t-triq barra l-Ewropa.
Iż-żjara tal-President Amerikan fir-Renju Unit tintemm għada meta hu jitlaq minn Londra lejn Hannover, fil-Ġermanja, għal laqgħa bilaterali mal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel.
//= $special ?>