Grupp ta’ irġiel armati bi skieken kbar attakkaw u biċċru professur tal-università ġo belt fil-majjistral ta’ Bangladesh. L-aħħar rapporti qalu li militanti ‘assoċjati mal-ISIS’ iddeċidew li joqtlu lil dan il-professur ‘bħala attivist favur l-ateiżmu’, meta l-vittma kien magħruf sew bħala promotur ta’ attivitajiet kulturali.
Rezaul Karim Siddique, li kellu 58 sena, kien jgħallem l-Ingliż fl-Università ta’ Rajshahi u anki waqqaf skola tal-mużika f’zona ta’ Bagmara, li darba kienet fortizza ta’ grupp Iżlamiku illegali bl-isem Jamayetul Mujahideen Bangladesh (JMB). L-allegati qattiela tiegħu huma indikati bħala militanti tal-grupp Amaq, li għandu r-rabtiet mal-ISIS.
Intant, Siddique spiċċa attakkat mill-aggressuri f’inħawi ta’ Rajshahi, waqt li kien fi triqtu lejn id-dar mill-università. Il-pulizija qalu li l-qtil hu simili għall-omiċidji preċedenti ta’ bloggers sekulari u persuni oħra (fil-Bangladesh) li stqarrew b’wiċċhom minn quddiem li ma kenux jemmnu fir-reliġjon. Is-suspettati ewlenin f’dawn il-każi kienu dejjem membri tal-entitajiet ta’ estremisti Iżlamiċi.
Mijiet ta’ studenti fl-Università ta’ Rajshahi, sadanittant, ipprotestaw fuq il-kampus wara li semgħu bil-qtil brutali tal-għalliem filwaqt li insistew għall-arrest tal-aggressuri.
//= $special ?>