Internazzjonali

Tħassib dwar missila tal-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq hi rappurtata li sparat issila ballistika minn sottomarin li kien jinsab ftit ‘il hinn mill-kosta lejn il-Lvant tal-pajjiż. Dan fost tħassib li l-Korea ta’ Fuq tista’ twettaq prova nukleari jew ‘prova oħra ta’ missila’ qabel il-Partit Komunista li jmexxi l-pajjiż, ix-xahar id-dieħel, jorganizza l-ewwel Kungress f’aktar minn 30 sena.

Mifhum li l-missila ballistika kienet sparata lejn ‘inħawi tal-Grigal’ fejn – skont rapporti mill-Korea t’Isfel – ‘damet ittir għal ftit minuti’. Ma ngħatawx aktar dettalji dwar iċ-ċirkustanzi tal-isparatura.

Il-Korea ta’ Fuq, is-sena l-oħra, wettqet l-ewwel provi għal missila li kapaċi tinġarr minn sottomarin, fost indikazzjonijiet li l-pajjiż kien qiegħed ‘fl-ewwel fażi biex jiżviluppa dan it-tip ta’ sistema militari’.

Intant, sistema li tippermetti għall-isparar ta’ missila minn sottomarin tista timponi theddida ġdida għall-ġirien tal-Korea ta’ Fuq u għall-Istati Uniti, dejjem f’każ li l-Koreani komunisti jirnexxilhom jipperfezzjonawha.